Il-Kurunell Clinton O’Neill inħatar Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, u l-Kurunell Edric Zahra ġie maħtur bħala d-Deputat Kmandant.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri awgura lill-Kmandant u d-Deputat Kmandant għall-ħatra tagħhom u rringrazzja lill-Brigadier Jeffrey Curmi tal-ħidma li wettaq fil-Forzi Armati fl-aħħar snin.
Il-Kurunell Clinton O’Neill issieħeb mal-Forzi Armati fl-elf disa’ mija u tnejn u disgħin u huwa ggradwat fl-Informazzjoni tat-Teknoloġija u fil-Liġi Internazzjonali Marittima.
F’karriera militari ta’ tletin sena, il-Kurunell O’Neill serva fit-Taqsima tal-Air Wing u fil-branka tal-Operazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali f’Ħal Luqa. Huwa kien stazzjonat anki barra minn Malta u ħadem f’diversi taqsimiet oħra fil-Forzi Armati, fosthom anki fiċ-ċentru tat-taħriġ.
Il-Kurunell Edric Zahra ggradwa fl-isport, fil-ġeografija u l-antropoloġija, u fl-istudji tal-Malti. Huwa kiseb ukoll ċertifikati internazzjonali dwar il-liġi marittima u l-operazzjonijiet marittimi.
Huwa beda l-karriera militari tiegħu fl-elf disa’ mija u disgħa u disgħin.
Matul il-karriera tiegħu, il-Kurunell attenda għal taħriġ f’diversi akkademji barra minn Malta u ħadem f’diversi rwoli fil-Forzi Armati. Fl-aħħar ħames snin kien Kmandant tal-Ewwel Reġiment.