Il-Kandidat Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-ekonomista Clint Azzopardi Flores, sostna li għaddejjin il-preparamenti min-naħa tiegħu biex iniedi l-prijoritatajiet tal-kampanja elettorali, li se jkunu wkoll l-istess prijoritajiet ta’ ħidma personali jekk il-poplu jagħtih il-privileġġ li jservih fil-Parlament Ewropew.
Hu qal dan ma’ ONE News hekk kif spjega li l-prijoritajiet kienu imfasslin wara sensiela ta’ laqgħat man-nies, kemm fl-imsieraħ tagħna u anke bieb bieb, li wasslu biex tfassal il-manifest li se jkun varat nhar il-Ġimgħa li ġej filgħodu.
Qal, “Il-prijoritajiet tal-kampanja tiegħi se jkunu mnedija nhar il-Ġimgħa li ġej skont il-feedback li ħadna matul din l-aħħar sena min-nies għan-nies u tan-nies, jiġifieri qegħdin jiddefenixxu lili li jiena nżilt man-nies u ħa nkunu qed niffokaw fuq erba’ pilastri, inkluż l-ekonomija, is-soċjal, il-kwalità tal-ħajja aħjar u s-sigurtà u d-diplomazija. Għandna wkoll it-tnedija nhar il-Ġimgħa fid-9:30 fejn ukoll se jkollna preżenti lill-Prim Ministru Robert Abela magħna.”
Azzopardi Flores, li kellu wkoll il-privileġġ li jservi lill-Gvern Malti fi Brussell, kemm bħala President tal-Kumitat tal-Baġit fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u anke bħala Ambaxxatur għall-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, sostna kif il-flus tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintużaw aħjar u aktar effiċjenti biex itejbu il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.
Azzopardi Flores qal li ma jistax ikollok sostenibbiltà jekk l-erba’ prinċipji msemmijin ma jkunux imħaddna minn kull gvern Ewropew.
It-tnedija tal-prijoritatjiet se ssir il-Ġimgħa 12 t’April f’Villa Arrigo fin-Naxxar waqt business breakfast, fejn se jkun qed jattendi ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u anke Membri Parlamentari Ewropej mill-grupp tas-Soċjalisti, flimkien ma’ msieħba soċjali u udjenza barranija li ġew mistiedna apposta għal din l-attività u li se jkunu ukoll qed jindirizzaw lil dawk preżenti.