Se nagħmel minn kollox biex inkomplu nġeddu u nirrevedu l-għeruq xellugin tagħna, nisma’, ngħin u naqdi n-nies.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ fit-tnedija tal-kampanja tal-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Clint Azzopardi Flores, fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Kampanja, li l-qofol tagħha se jkun primarjament ibbażat fuq erba’ sisien; l-Ekonomija, is-Soċjal, il-Kwalità ta’ Ħajja Aħjar u s-Sigurtà u d-Diplomazija.
Fl-intervent tiegħu, bħala xellugi, huwa qal li jemmen li l-prerogattiva ewlenija ta’ kull politiku, għandha tkun li jservi u jaqdi lin-nies biex tingħata għajnuna lil kull individwu.
Azzopardi Flores żid jgħid li politiċi bħal Karl Chircop, Silvio Parnis, Lorry Sant u Ċensu Moran emmnu fl-ideali soċjalisti.
Kompla jgħid li minkejja l-isfidi li għex il-poplu Malti u Għawdxi tul is-snin, xorta sab Gvern Laburista li kien hemm għall-poplu, u dan jibgħat sinjal b’saħħtu li l-kampanja tiegħu tmur id f’id mal-valuri tal-Partit Laburista.
“Kampanja li se tkun min-nies għan-nies u tan-nies u li se tara li tiffoka fuq l-ekonomija, is-soċjal, il-kwalità tal-ħajja aħjar, u s-sigurtà u diplomazija. Dan għax nemmen, nemmen fix-xellug u soċjalizmu u li inti tippromovi paċi u progress ekonomiku fuq gwerrer u kunfliti.”
Il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew qal li l-kunċett tan-newtralità huwa ħafna aktar relevanti llum minħabba dak li għaddej madwarna.
Fid-diskors li għamel semma wkoll l-importanza li ż-żgħażagħ ikollhom biżżejjed flus fil-but sabiex ikunu sidien ta’ djarhom u jkollhom aktar opportunitajiet attraenti, xprunati minn investimenti b’saħħithom li jinġiebu lejn Malta.