Waqt li ħeġġeġ lill-Unjin Maltija tal-Għalliema, l-MUT, biex tinforma lill-edukaturi b’mod fattwali dwar dak li qed jiġi propost min-naħa tal-Gvern, inkluż il-proposti finanzjarji b’saħħithom li hemm, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima tenna ma’ dan l-istazzjon li l-pakkett jinkludi żieda ta’ għaxart elef ewro għal għalliema li jkunu għadhom se jibdew l-karriera tagħhom.
“Qegħdin ngħidu li edukatur ġdid, għadu jilħaq mill-Università, jiggradwa mill-Università u jidħol fis-sistema edukattiva, dan għandu jibda bis-somma ta’ €36,000, allura żieda ta’ €10,000.”
Il-Ministru Clifton GrimaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Il-kummenti tal-Ministru Grima waslu wara li aktar kmieni l-istess Ministeru ħareġ stqarrija fejn tenna li se jibqa’ dispost li jkompli jiltaqa’ mal-istess unjin li tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-għalliema, tant li reġa’ estenda l-istedina biex issir laqgħa oħra.
Din il-ġimgħa wkoll, l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali, l-UPE, li tirrappreżenta faxxa iżgħar ta’ għalliema, esiġiet li l-Gvern għandu jippubblika l-pakkett bil-miżuri ta’ titjib li qed isiru lill-għalliema, għax skontha, l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, qed iżżomm kollox mistur anke mal-membri tagħha stess.
L-UPE qalet li l-edukaturi huma inċerti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u dwar il-pakkett kollu tal-ftehim settorjali u għalhekk jinsabu fil-għama dwar x’negozjati qed isiru f’isimhom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni sostna kif il-Gvern dejjem qal li hu kommess li jagħti żidiet b’saħħithom u sostenibbli lill-edukaturi, b’rikonoxximent għall-professjoni u x-xogħol importanti li jwettqu.
Il-Ministru Clifton Grima sostna li hu propost li l-edukaturi li jingħataw żieda mingħajr ma jaħdmu sigħat żejda.
“L-ebda edukatur mhu ħa jiġi proprju mġiegħel jew inkella mitlub jagħmel sigħat addizzjonali għal dak li qiegħed jagħmel illum.”
Il-Ministru Clifton Grima
Il-Ministru saħaq li l-għalliema tal-Kindergarten u anke LSEs se jingħataw iż-żieda, waqt li se jingħata allowance ġdid.
“Li, għall-ewwel darba, Kindergarden educators u LSEs li jagħmlu 20 sena fil-klassi mal-istudenti tagħna, ma’ wliedna, se jkunu qegħdin jieħdu allowance proprju għall-ewwel darba. S’issa sal-lum il-ġurnata, l-allowances kienet tingħata biss lill-għalliema.”
Il-Ministru Clifton Grima
Il-Ministru Grima sostna li kien hemm laqgħat sa din il-ġimgħa stess mal-MUT u hemm rispett reċiproku, b’rieda li ż-żewġ partijiet jaslu għall-ftehim.