Dr Clifton Grima nħatar uffiċjalment Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport.
Dan wara li l-Erbgħa waranofsinhar ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President f’Sant Anton mill-President ta’ Malta, George Vella.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
Dr Grima nħatar Ministru għall-Edukazzjoni wara li Justyne Caruana rriżenjat il-ġimgħa l-oħra.
Ftit wara l-ħatra tiegħu bħala Ministru, Dr Grima qal ma’ ONE News kif bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel.
Grima stqarr, “U biex niżviluppaw proprju b’mod sħiħ il-potenzjal ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istudenti huwa kruċjali li t-tfal tagħna jattendu l-iskola b’mod fiżiku. Barra minn hekk, irrid ngħid ukoll li qed nitkellmu mal-istakeholders kollha sabiex wieħed ikun assigurat illi din l-attendenza fiżika ssir, filwaqt illi nirrispettaw ir-regolamenti li joħorġu l-awtoritajiet tas-saħħa.”
Il-Ministru l-ġdid saħaq kif fis-settur tal-isport se jsir aktar investiment fl-infrastruttura u anki fl-atleti.
Tenna, “Huwa settur illi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ħa nkunu qed nospitaw numru ta’ avvenimenti internazzjonali ġewwa pajjiżna u allura hemmhekk se nkunu qed nuru għal darba oħra li bħala pajjiż kapaċi nqumu għall-okkażjoni, kapaċi norganizzaw b’mod tajjeb ħafna u anke ngħid jien kapaċi niksbu l-unuri.”
Fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif huwa tah il-parir biex jisma’ kemm jiflaħ, ħalli mbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex nieħdu ħsieb bl-aqwa mod l-edukazzjoni tat-tfal Maltin.
