Jinġabar 680 kg mill-Bajja tal-Mistra waqt clean up organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli u l-eNGO Żibel.
L-eNGO Żibel hija organizzjoni impenjata li tnaqqas l-iskart u tipproteġi l-ambjent naturali. Biex tilħaq dan il-għan torganizza diversi clean-ups madwar Malta u Għawdex, bl-aktar waħda riċenti fil-Bajja tal-Mistra f’kollaborazzjoni mal-MEP Miriam Dalli.
Għal din il-clean up attendew numru sabiħ ta’ nies ta’ kull età li nqasmu fi tlett gruppi sabiex jitnaddaf ix-xatt tal-bajja kif ukoll qiegħ il-bahar permezz ta’ snorkelers u bugħaddasa.
L-iskart li nġabar ġie sseparat u b’hekk inġabru 133kg skart ġenerali, 7 kg plastik, 31kg ta’ ħġieġ, 3 kg metall u 506kg skart goff.
B’reazzjoni għal dan, l-MEP Miriam Dalli spjegat kif jeħtieġ li l-poplu jiddisponi mill-iskart goff kif suppost u mhux billi narmu fil-bajjiet jew fil-kampanja, aktar u aktar meta għandna servizzi offruti mingħajr ħlas biex dan isir kif suppost. “Irridu ngħarfu li meta skart goff ma jintremiex kif suppost mhux biss ikerrah l-ambjent tal-madwar imma jagħmel ħafna ħsara, inkluż lill-ispeċi li jgħixu fil-baħar. L-iskart li narmu fil-baħar, fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa fil-platt tagħna,” qalet Dr Dalli.
Filwaqt li nsaħħu aktar l-għarfien, Dr Dalli sostniet li jeħtieġ li jkun hemm aktar infurzar b’saħħtu biex min jarmi b’mod illegali jinqabad u jittieħdu l-passi li hemm bżonn.
Andrew Schembri, wieħed mill-fundaturi tal-eNGO Żibel tenna li wasal iż-żmien li l-problema tal-iskart tibda tittieħed aktar bis-serjetà. “Dan ifisser li kulħadd irid ikun konxju tal-iskart li jarmi, mit-tfal sal-politiċi tagħna, sal-Gvern. Wasal iż-żmien għal rivoluzzjoni fis-settur tal-iskart,” saħaq Schembri.
Dr Dalli u l-eNGo Żibel appellaw lill-pubbliku biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu dan is-sajf billi jiddedikaw ftit tal-ħin meta jkunu ħdejn il-baħar biex jiġbru l-iskart u b’hekk inżommu l-bajjiet nodfa.
Fl-istess waqt Dr Dalli u l-eNGO Żibel ħeġġew lill-pubbliku u lin-negozji biex dejjem jagħzlu li jużaw prodotti li jiġġeneraw l-inqas skart possibli, b’mod speċjali dawk magħmulin mill-plastik. Tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw flok tazzi tal-plastik, skontijiet minn ħwienet għal klijenti li jġibu containers jew tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw, straws tal-karti jew bamboo flok tal-plastik, boroż tal-karti flok boroż tal-plastik, huma biss ftit eżempji u inċentivi ta’ kif nistgħu niġġeneraw inqas skart hdejn il-bajjiet tagħna u nibżgħu għall-ambjent naturali ta’ pajjiżna.