Clayton Xuereb se jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS. Il-ħatra tiegħu se ssir mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li Clayton Xuereb għandu esperjenzi passati fl-oqsma tal-immigrazzjoni, b’mod ewlieni fil-Kummissjoni għar-Refuġjati, u kien responsabbli mill-assessjar tal-ażil. Hu ġej ukoll minn snin ta’ esperjenza fi rwoli ta’ tmexxija, primarjament fl-Università ta’ Malta. Huwa ħadem ukoll fil-qasam tal-Kunsilli Lokali.
Clayton Xuereb hu gradwat b’Baċellerat u b’Masters fil-Kriminoloġija. Preżentament qed jistudja wkoll għal Dottorat mal-Università ta’ Malta.
Il-Ministru Byron Camilleri awgura lil Clayton Xuereb il-ħidma t-tajba fil-kariga ġdida fdata lilu. Irrimarka li l-Aġenzija għandha tkompli tissaħħaħ fuq il-pedamenti sodi li hemm u ssegwi l-iżvilupp kontinwu li għaddej fl-oqsma tal-ħarsien tal-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil f’pajjiżna.
Il-Ministru Camilleri esprima r-rikonoxximent tiegħu għall-ħidma li wettaq is-Sur Ray Theuma fil-ġimgħat li fihom serva bħala Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, u lis-Sur Mauro Farrugia għas-snin li hu ħadem bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-imsemmija Aġenzija.