Clayton Micallef kien jagħmel parti mill-Armata Maltija 1st Regiment C special duties company. Fl-2004, għadda minn inċident sfortunat li wasslu għal ħsara kbira fil-korda spinali li ħallietu ipparalizzat minn għonqu ’l isfel.
Minħabba li ma jistax iċaqlaq idejh u saqajh, Micallef għandu ħtiġijiet kumplessi ħafna biex jieħu l-kura minħabba n-nuqqas ta’ mobbilta’ tiegħu. Kien jeħtieġ għajnuna kontinwa iżda dan it-tip ta’ servizz kien ineżistenti dak iż-żmien.
Iżda minkejja d-diffikultajiet kollha huwa irsista biex jinħoloq dan it-tip ta’ servizz ta’ kura biex b’hekk fl-2010, ingħataw fondi għal proġett pilota sabiex tiġi varata din it-tip ta’ kura li permezz tagħha seta’ jgħix fil-kumdità ta’ daru. Micallef ta ukoll sehmu f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi kif ukoll fi programmi televiżivi bl-għan li joħloq għarfien dwar kwistjonijiet ta’ diżabilità u kwistjonijiet oħra soċjali.
Fl-2012, Micallef iddeċieda li jkompli l-istudji tiegħu permezz ta’ Baċellerat fil-Psikoloġija. Minħabba nuqqas ta’ aċċessibiltà għall-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu, ma setax jattendi l-lectures fl-Università b’mod regolari u beda jħabbat wiċċu ma’ tfixkil li b’mod regolari jgħaddu minnu l-persuni bi bżonnijiet bħal tiegħu.
Għaldaqstant beda jirsisti u għadu s’issa jfittex li jiltaqa’ mal-persuni rilevanti sabiex iġib it-tibdil meħtieġ f’dan il-qasam. Fil-fatt fl-2013 kiseb fondi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex tiġi introdotta l-istruttura meħtieġa kif
ukoll isir audio recording tal-lectures. Minkejja d-diffikultajiet, fl-2018, Micallef temm il-Baċellerat tiegħu fil-Psikoloġija u beda jsegwi kors f’livell ta’ Masters mal-Università ta’ Aberdeen fl-Iskozja.