L-Isportiv tas-Sena huwa Clayton Castaldi, filwaqt li Tenishia Thornton hija l-Isportiva tas-Sena. Dan sar magħruf wara li tħabbru r-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali, li jirrikonoxxu l-kisbiet sportivi tas-sena 2023. Ir-rebbieħa kollha ntgħażlu minn 36 finalist f’9 kategoriji f’dawn l-awards.
L-unur ta’ Żagħżugħ tas-Sena u ta’ Żagħżugħa tas-Sena marru għand Jake Castaldi u Kim Camilleri Laganà rispettivament. Manuela Tesse ngħatat l-unur bħala l-Aħjar Kowċ tas-Sena, filwaqt li Christabel D’Amato hija l-Aħjar Uffiċjal tas-Sena. It-Tim tas-Sena huwa t-Tim Nazzjonali tal-Futbol tan-Nisa, il-People’s Choice Award marret għand Sophie St John, filwaqt li l-unur ta’ Sport for Social Change Award mar għand Fgura United FC.
Is-serata kienet preseduta mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima li feraħ lir-rebbieħa kollha, lil kull min kien mal-finalisti u lil dawk kollha li matul is-sena li għaddiet kienu strumentali biex jgħollu isem pajjiżna f’dan is-settur. Huwa semma kif pajjiżna qed ikompli jsir ċentru sportiv, b’għadd ta’ Kampjonati u Kompetizzjonijiet internazzjonali li qed isiru fostna. “Malta se terġa’ tospita żewġ avvenimenti prestiġjużi meta f’Ġunju li ġej f’pajjiżna se nilqgħu għall-ewwel darba l-akbar avveniment akwatiku li qatt sar f’Malta, il-World Aquatics Men’s U16 Water Polo Championships. Se naraw ukoll fostna l-Final 4 Champions League”, qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima kompla jgħid, “Dan huwa legat tal-investiment li għamilna kemm fil-faċilitajiet kif ukoll fl-atleti nfushom, imma wkoll riżultat ta’ diversi kompetizzjonijiet internazzjonali li pajjiżna ospita b’suċċess, fosthom l-Ispecial Olympics, avvenimenti tal-UEFA kif ukoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li minbarra suċċess fuq livell organizzattiv kellna wkoll suċċessi sportivi bla preċedenti.”
Dan juri l-impenn tal-gvern biex jgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna biex flimkien ma’ dawk kollha involuti f’dan is-settur, inkomplu niksbu r-riżultati mhux biss li jagħmlu unur lill-isportivi fuq bażi individwali, imma wkoll b’mod kollettiv bħala pajjiż.
Indirizza din is-serata wkoll il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef. Is-semi-finalisti kollha ngħataw ċertifikat ta’ tifkira.