Il-kelliem għall-Ekonomija tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech, f’isem l-Oppożizzjoni sostna li huwa ma jemminx fil-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
“Nisħaq u nieħu din l-opportunità biex nappella lill-Gvern li jaqta’ dan id-diskors li jrid iżomm dan il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Aħna ma naqblux magħha dik.”
F’konferenza tal-aħbarijiet ta’ qabel il-budget, Grech qal dan f’perjodu fejn l-ekonomija dinjija ħadet daqqa ta’ ħarta kbira kawża tal-imxija tal-COVID-19.
Il-Gvern Malti saħaq li pajjiżna għandu ekonomija reżiljenti li bħalissa qed tiswa mitqlu deheb biex issostni għadd ta’ miżuri favur il-familji u n-negozji fosthom il-vouchers tal-mitt ewro, sussidju fil-kirjiet tan-negozji u l-kontijiet tad-dawl tal-istess negozji u l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi.
Kliem Claudio Grech kontra s-settur ekonomiku li jolqot lin-negozji huwa wkoll differenti minn Bernard Grech li qabel laħaq Kap kien qal hekk.
“Nifhem li hemm bżonn il-feel good factor għall-ħtiġijiet tal-ekonomija. Nifhem li ma jistax ikollok saħħa mingħajr ekonomija”