• SE JIDDEĊIEDI FL-AĦĦAR MUMENT
• CHRIS SAID JGĦID LI DAQSHEKK BEJGĦ TA’ KAŻINI
• JEAN PIERRE DEBONO MA’ DELIA
Għalkemm għadu ma ħabbarx il-kandidatura tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, id-deputat Claudio Grech, għaddej bil-kampanja tiegħu fost deputati u attivisti tal-Partit Nazzjonalista bi mkejjen qrib tiegħu sostnew ma’ din il-gazzetta li Grech se jkun qed janalizza sal-aħħar mument jekk fl-aħħar mill-aħħar għandux ikun kandidat għat-tmexxija.
Claudio Grech xejn mhu favorit tal-establishment fid-Dar Ċentrali u huwa dan li qed iżommu jikkunsidra sal-aħħar jekk għandux jitfa’ ismu. Saħansitra wara li anke fuq livell ta’ distrett fl-elezzjoni ġenerali ħass li sofra mill-fatt li l-establishment fl-istamperija ma jarax għajn m’għajn miegħu.
Iżda, sakemm qed janalizza kollox, Claudio Grech ma qagħadx idu fuq żaqqu u hu u n-nies qrib tiegħu għamlu numru kbir ta’ laqgħat ma’ nies fil-Partit Nazzjonalista u lil hinn minnu, saħansitra fid-dinja tan-negozju.
Hemm mill-esablishment li qed jipprova jeħles minn Grech billi juża kuntatti biex jipprova jikkonvinċih ikun viċi kap ta’ Adrian Delia li kien l-ewwel wieħed li ħabbar li se jitfa’ ismu fit-tellieqa anke jekk mhux deputat u ilu snin ma jkun involut fil-Partit Nazzjonalista. Però sal-lum Claudio Grech ma kkommettiex ruħu għaliex l-iktar kariga li jibqa’ juri interess fiha hija dik ta’ kap u dawk li jafuh fi żmien li kien jaħdem ma’ Austin Gatt, li miegħu għadu biċċa waħda, qed jgħidulu li dan hu l-mument tiegħu inkella qatt.
In-nomini jagħlqu għaxart ijiem oħra u sa issa kkonferma l-kandidatura Chris Said ukoll li fl-aħħar jiem iddikjara li se jkun qed jieħu pożizzjoni differenti minn dik li ħa l-kap preżenti Simon Busuttil fuq il-każini tal-partit. Chris Said qal li jekk hu jsir kap, jitwaqqaf il-bejgħ tal-każini tal-Partit Nazzjonalista. Xi ħaġa li flaħħar snin ġabet bosta kritika minn attivisti tal-partit li raw is-sagrifiċji tagħhom jisfumaw fix-xejn biex il-partit jipprova jikrupra xi ftit mid-dejn li għandu u xorta waħ- da m’għamilx dan kif qed nuru f’rapporti oħra f’din il-gazzetta.
Adrian Delia għandu l-appoġġ ta’ Jean Pierre Debono, deputat fuq is-seba’ distrett elettorali u huwa wkoll deputat segretarju ġenerali. Debono qed jgħin kemm jiflaħ lil Delia bil-kuntatti li għamel mal-friegħi differenti tal-partit tul is-snin. U filwaqt li qed igawdi mill-appoġġ ta’ Debono, Delia mhux favorit tal-familja Fenech Adami anke jekk ħafna mill-establishment irid lilu. Imkejjen fid-Dar Ċentrali sostnew li din hi pika li ġejja mir-raħal ta’ Birkirkara.