Kien id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech innifsu li ġab fix-xejn spin tal-Partit Nazzjonalista li min jagħmel ċessjoni ta’ konvenju jkun qiegħed jagħmel hekk bi skop ħażin.
Dan meta affaċjat b’domandi iktar kmieni din il-ġimgħa u mistoqsi dwar kuntratt ta’ €1.25 miljun li inkluż fih kien hemm ċessjoni ta’ konvenju.
Fuq dan il-kuntratt deher ismu, anke għax iffirmat minn martu.
Meta iktar kmieni din il-ġimgħa kien affaċjat minn ONE News, Claudio Grech indika li ma jiftakarx biċ-ċessjoni f’dan il-bejgħ ta’ proprjetà miljunarja lill-kuntrattur ewlieni f’pajjiżna.
“Sa fejn naf jien m’hemmx ċessjoni,” qal Claudio Grech.
Iżda, għamilha ċara li lanqas li kieku kien hemm iċ-ċessjoni ma jara xejn ħażin.
Anke jekk riċenti l-Partit Nazzjonalista pprova jagħti l-impressjoni li din xi ħaġa llegali.
Għax kellna l-fatti f’idejna, u allura ċertezza li ċ-ċessjoni saret, staqsejnih jekk jaqbilx mal-interpretazzjoni li taw il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, u d-Deputat Jason Azzopardi.
Dik li min ikun involut f’ċessjoni jkun qed jaħsel il-flus jew jevadi t-taxxa.
Claudio Grech kien skjett: “Mhuwiex il-każ. Ċessjonijiet ta’ konvenji jsiru,” qal Claudio Grech li affaċjat b’li qal Bernard Grech u Jason Azzopardi qal li ma jidhirlux li qalu hekk.
“Ċessjoni ta’ konvenju hi proċedura legali. Però ma jfissirx li kull min jagħmel ċessjoni ta’ konvenju hu involut fil-ħasil ta’ flus,” qal Claudio Grech li nsista li ċessjoni ta’ konvenju hi xi ħaġa legali.