Il-Kelliem għall-Ekonomija tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech reġa’ sostna li huwa żball kbir li jkun hemm bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
Huwa qal: “Żball kbir id-diskors illi qed iressaq il-Gvern illi jrid ipoġġi lill-ekonomija u s-saħħa bħala kontra piż ta’ xulxin.”
Din l-aħħar dikjarazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista ġiet wara li studju qies il-piżijiet li ġabet magħha l-pandemija, kemm minn aspett ta’ saħħa, kif ukoll minn dak ekonomiku.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Professur Victor Grech, li kellu sehem qawwi fl-istudju, kien saħaq li rridu nimxu mal-miżuri bilanċjati kif stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Huwa kien spjega kif jekk wieħed ma jilħaqx il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomina, ir-riperkussjonijiet fuq is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna fost l-oħrajn jistgħu ikunu devastanti.
Il-Professur Victor Grech kien saħaq li wieħed ma jistax jagħlaq lin-nies ġewwa u jwaqqaf l-ekonomija hekk kif dan iħalli impatt negattiv fuq is-saħħa wkoll.
Ftit tal-jiem ilu wkoll, Claudio Grech kien qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija u talab lil Gvern biex jaqta’ dan id-diskors.
Huwa kien qal: “Nisħaq u nieħu din l-opportunità biex nappella lill-Gvern li jaqta’ dan id-diskors li jrid iżomm il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Aħna ma naqblux magħha dik.”