Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija Claudio Grech ikkritika lill-Gvern li ssieħeb mal-privat biex isir l-investiment neċessarju fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar Karin Grech li tħallew jaqgħu biċċiet fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista b’detriment għas-saħħa tal-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Is-soluzzjoni tas-Sur Grech hi li l-Gvern jiddejjen biex jagħmel l-investimenti kapitali fil-qasam tas-saħħa.
L-uniku soluzzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal iktar investiment fis-settur tas-saħħa hija dik li l-Gvern jiddejjen jekk ikun irid jinvesti. Iddikjara dan il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija Claudio Grech.
Meta kien qed jieħu sehem fil-programm Dissett, Claudio Grech ikkritika lill-Gvern li ssieħeb mal-privat biex jinvesti fi sptarijiet li tħallew jaqgħu lura bħal dak ta’ Għawdex u Karin Grech. Dan filwaqt li tingħata ħajja ġdida lill-isptar San Luqa.
Filwaqt li ma spjegax għaliex dawn l-isptarijiet tħallew fi stat li ma jirriflettix is-servizz tas-saħħa li għandu jingħata f’dawn iż-żmijiet, Grech qal li jekk il-gvern irid jinvesti għandu jiddejjen.
Madanakollu, il-politika tal-gvern hi differenti.
Filwaqt li fil-pajjiż daħħal dixxiplina fiskali tant li Malta rreġistrat surplus, issieħeb mal-privat bil-għan li f’diversi oqsma jinvestu flimkien. Fil-każ tas-saħħa per eżempju l-pazjent Malti se jibqa’ jieħu s-servizz b’xejn, filwaqt li l-privat ikun jista’ jattira turiżmu mediku.
Iżda, lil Grech dan il-mudell ma jogħġbux. Is-soluzzjoni hi d-dejn.
Frott id-direzzjoni li ħa l-gvern filwaqt li l-pajjiż żied is-servizzi, inkluż fis-servizz tas-saħħa, pajjiżna qed inaqqas id-dejn mhux biss f’termini ta’ persentaġġ iżda issa wkoll bil-miljuni.