Giuseppe Palmier huwa tifel maħbub immens, li għalkemm għandu ċertu sfidi quddiemu biex jikkomunika, għandu wħud mill-aqwa ingredjenti li bniedem jeħtieġ fil-ħajja. Imdawwar b’ħafna mħabba u b’rieda tremenda li jgħin lil ħaddieħor.
Meta dawn iż-żewġ elementi żżewiġhom ma nies determinati li jwettqu dak li Giuseppe jixtieq, għandek l-elementi neċessarji biex jiġru affarijiet tajba. U hekk hu l-każ.
L-LSA ta’ Giuseppe jisimha Melanie Scicluna u għandha 31 sena. Hija wkoll il-fundatriċi tal-organizazzjoni volontarja reġistrata Passi and Beyond; organizazzjoni magħmula minn 42 persuna, lkoll adulti żgħar. Dawn jaħmdu biex jgħinu persuni vulnerabbli f’Malta u anke barra minn Malta, bħal fil-każ ta’ proġetti li qed isiru fl-Albanija.
Melanie ilha sentejn biss LSA ta’ Giuseppe, iżda dan sar it-tarka ta’ dan il-proġett u saħansitra ssemma’ għalih. Fl-Albanija Passi and Beyond jorganizzaw summer camp għat-tfal vulnerabbli, minbarra proġetti oħra long term. F’Diċembru li għadd, grupp ta’ disa’ persuni marru l-Albanija u lestew ground fejn it-tfal jistgħu jilgħabu. Din is-sena hemm pjanata dar għal tfal li sa 16-il sena jkunu għexu fi stituti iżda ladarba jgħalqu 16-il sena jispiċċaw fit-triq. Din id-dar se tgħin biex jekk iridu jkomplu jistudjaw, almenu jkollhom saqaf fuq rashom. Il-ħidma ssir flimkien ma’ organizazzjoni oħra li għandha preżenza ikbar fl-Albanija.
Claudia Faniello tidher fir-ritratt għaliex offriet l-appoġġ tagħha f’attività ta’ ziplining li saret flimkien ma’ organiazzjonijiet oħra, biex jinġabru fondi u titqajjem kuxjenza. Hemm attività oħra pjanata għas-sitta ta’ Mejju li ġej.
Il-moral ta’ din l-istorja huwa ċar; fejn hemm ir-rieda li jsir il-ġid, dan se jsir, ladarba qlub tajba jiddeċiedu jaħdmu id f’id.