Il-kantanta Maltija Claudia Faniello se tkun qed tkanta fil-ħames pożizzjoni fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest li se jsir il-Ħamis 11 ta’ Mejju.
L-EBU approvat l-ordni ta’ kif se jipparteċipaw il-pajjiżi fil-Eurovision li tinħadem mill-produtturi tal-ispettaklu li se jitella’ fil-kapitali Ukrena, Kyiv.
Aktar qabel Malta kienet itellgħet bil-polza f’liema semi-finali u f’liema parti kienet se tipparteċipa iżda l-pożizzjoni eżatta ġiet determinata wara ħsieb dwar dak li se jiġi preżentat f’Mejju li ġej, mit-tim tal-produzzjoni tal-Eurovision.
Interessanti l-fatt li r-Russja, li dwarha bħalissa għaddejja kwistjoni għaliex il-Gvern Ukren ma jridx iħalli l-kantanta Russa tidħol fl-Ukrajna minħabba li kienet kantat fil-Krimea, ingħatat il-pożizzjoni numru 3 fl-istess semi-finali ta’ Malta.
Claudia Faniello se tkanta l-kanzunetta Breathlessly u jekk tiġi mal-ewwel għaxra tikkwalifika għas-serata finali tas-Sibt 13 ta’ Mejju.