It-30 edizzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest intrebħet mill-kantanta Claudia Faniello bid-diska Breathlessly . Dan ifisser li se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna f’Kyiv. Din hija d-disa’ darba li din il-kantanta ipparteċipat fil-Malta Eurovision.
Fit-tieni post klassifikat il-kantanta Janice Mangion bil-kanzunetta Kewkba filwaqt li l-kantant Kevin Borg bid-diska Follow klassifikata fit-tielet post.
Din is-sena l-għażla kienet kollha f’idejn it-telespetaturi u kellhom iċ-ċans li jivvotaw darba minn kull linja.
Kienu bosta l-kummenti fuq il-midja soċjali dwar il-kanzunetti tal-Malta Eurovision Song Contest bil-maġġoranza jfaħħru t-talent Malti u l-ispettaklu mżewwaq ġmielu. Is-segwaċi tal-Eurovision, ikunu qed jistennew dan il-lejl bil-ħerqa u jinġabru quddiem it-televiżjoni biex jagħżlu l-kanzunetta rebbieħa.
Pajjiżna diġa’ kellu l-opportunitá li jospita l-Junior Eurovision darbtejn, tgħid din id-diska se tkun qed iġġib il-Eurovision f’pajjiżna?