Hekk kif ninsabu biss ftit jiem ‘il bogħod mill-ewwel serata tal-Eurovision fi Kiev, one.com.mt tkellem mal-kantanta li qed tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta tagħha ‘Breathlessly’. Faniello spjegatilna li l-preparamenti għaddejjin ġmielhom biex Malta jkollha prestazzjoni mill-aqwa iżda d-deċiżjoni ta’ liema libsa se tkun qed tilbes fis-semifinali għadha mhux finali. Il-kantanta Maltija spjegatilna li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar liema libsa se tkun qed tintliebes fis-semifinali. Lil Claudia fil-provi rajniha b’ilbiesi ċari u li l-istil tagħhom huwa simili ħafna għal dak li rajniha bih f’Malta meta ngħatat it-trofew.
Il-kantanta qaltilna li d-delegazzjoni Maltija kienet preparata sew u għalhekk it-tibdil li sar kien minimu. Għamlet ukoll referenza għar-reazzjonijiet tal-ġurnalisti barranin, “Ir-reazzjonijiet li ħadna minn għand ġurnalisti barranin kienu fil-pożittiv. Wieħed irid dejjem iżomm saqajh mal-art u se nibqgħu naħdmu biex nagħti l-aħjar tliet minuti.”
Iżda Claudia Faniello qed tħossha eċitata?
Stqarret magħna li qed tipprova żżom kalma kemm jista’ jkun u li kuntenta ħafna bl-andament sa issa. “Il-prijorità hi li nieħu ħsieb il-vuċi.” Iżda jidher li l-kantanta ma tantx hi superstizzjuża hekk kif meta saqsejniha jekk magħha ittellax xi lucky charm ir-risposta tagħha kienet li le u li kull ma ttella magħha “l-kuxjenza.”
Lil Claudia saqsejniha ukoll jekk it-tħabbira tal-elezzjoni affetwatiex, meta qed nitkellmu dwar attenzjoni, iżda għal dan ma kelliex tweġiba. Li nafu fiċ-ċert hu li l-kantanta Maltija se tkun qed tiddedika d-diska tagħha “lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet wara t-tieni prova ta’ Claudia Fanielli fi Kiev, il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Eurovision Song Contest John Bundy u l-assistent Kap Gordon Bonello qalu fi tweġiba lil ġurnalisti li pajjiżna jekk jospita l-Eurovision mhux biss jagħmel villaġġ tal-Eurovision iżda Eurovision island. Bundy qal lill-ġurnalisti li pajjiżna għandu reputazzjoni eċċellenti u diġà organizza darbtejn il-Junior Eurovision b’suċċess. Huwa żied jgħid li f’pajjiżna għandna ħafna talent. Min-naħa tagħha Claudia Faniello stqarret li minkejja li sar xi tibdil mill-ewwel prova tagħha hija sodisfatta ħafna bil-produzzjoni u li qed tgħix il-ħolma tagħha.