Ix-xahar ta’ Mejju ta’ kull sena huwa marbut fost l-oħrajn mal-Eurovision Song Contest.
Din is-sena, għalkemm forsi ma ssemmiex daqs is-soltu minħabba li x-xena politika ddominat l-aħħar jiem ta’ pajjiżna, bla dubju li llejla l-pubbliku Malti u Għawdxi kollu se jkun qed jissaportja lil pajjiżna.
Il-prestazzjoni tal-kanzunetta ‘Breathlessly’ kantata mir-rappreżentanta Maltija Claudia Faniello, se titkanta fir-raba’ post tas-semi finali tal-lejla.
Dan huwa t-tieni semi finali tal-Eurovision, bl-ewwel wieħed sar nhar it-Tlieta li għadda. Matulu intgħażlu għaxar kanzunetti minn tmintax, għall-finali ta’ nhar is-Sibt li ġej.
Dawn huma Moldova, Azerbaijan, Greċja, Żvezja,Portugal, Polonja, Armenja, Awstralja, Ċipru u l-Belġju.
L-għaxar pajjiżi li jgħaddu llejla jingħaqdu ma’ dawn il-pajjiżi finalisti kif ukoll mas-sitt pajjiżi l-oħra li diġa qegħdin fil-finali.
Intant, l-Erbgħa filgħaxija Claudia Faniello għamlet prova ġenerali li fiha vvuttat il-ġurija li għandha ħamsin fil-mija tal-eżitu finali li jingħaqdu mal-voti tal-pubbliku bit-televoting.
U issa jibqa’ biss dawk il-famużi tliet minuti…li anke jekk ħafna bħalissa huma mhedijin jitkellmu fuq ix-xena politika f’pajjiżna, żġur li se jkun ftit ħin li fih Malta se tingħaqad u tagħżel lil Malta…Malta mingħajr kuluri.
Segwi messaġġ li għamlulha l-kollegi tagħha: