Il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa m’għandhiex idea li s-servizz tal-Continuous Glucose Monitors reġa’ ġie estiż fl-aħħar xhur biex jilħaq aktar pazjenti.
Fil-fatt, id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet fil-Parlament dwar meta se jibdew jingħataw il-Continuous Glucose Monitors lill-pazjenti bid-Dijabete tat-Tip 1 għal min għandu aktar minn ħamsa u għoxrin sena.
Li ma tafx il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa hu li dawn il-monitors mingħajr ħlas ilhom jingħataw lill-persuni bid-dijabete tat-Tip 1 sal-età ta’ ħamsa u tletin sena minn Settembru li għadda.
Fil-fatt, aktar minn xahar ilu, dan il-programm ġie estiż għall-persuni kollha ta’ taħt is-sitta u tletin sena, wara li kien beda bħala proġett pilota sentejn ilu fost it-tfal.
Dan iċċarah id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, fil-programm ‘Temi’ fuq ONE Radio.
Stqarr, “Illum għandi Mistoqsija Parlamentari, pereżempju, mill-Onorevoli Buttigieg, li qed tistaqsini meta l-Gvern biħsiebu jagħti dawn il-monitors lil persuni ta’ ’l fuq minn ħamsa u għoxrin sena. Ilna li bdejnihom minn Settembru li għadda, jiġifieri l-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq id-dijabete – għax l-Oppożizzjoni għandha tliet kelliema dwar is-saħħa – imma almenu, il-Kelliem għandu jkun jaf li daħħalna l-Glucose Monitors xahar ilu.”
Kull sena jiġu rreġistrati medja ta’ mija u għaxar każi ġodda ta’ dijabete tat-Tip 1.
Meta ma tkunx ikkontrollata sew, din il-kundizzjoni tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet ulterjuri fis-saħħa tal-persuna u, għalhekk, it-teknoloġija avvanzata tal-Continuous Glucose Monitoring tevita li jiġri dan, hekk kif il-magni, li qed jingħataw bla ħlas lill-pazjenti eliġibbli, jagħtu stampa preċiża tal-livell taz-zokkor fid-demm f’kull ħin, permezz ta’ app fuq il-mobile tal-pazjent jew tal-ġenitur.
Il-pjan tal-Gvern hu li l-eliġibilità għal dawn il-magni bla ħlas, tiġi estiża b’mod gradwali għal etajiet ikbar, biex dan is-servizz ikun offrut għal kull min ibati mid-Dijabete tat-Tip 1 fil-pajjiż.