Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qed tappoġġja bi sħiħ il-proċess ta’ dixxiplina fil-konfront tas-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami, li l-Kap Bernard Grech, permezz tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, talabha tirriżenja fuq allegat kunflitt ta’ interess dwar proġett fin-Naxxar.
Muscat Fenech Adami rrifjutat li tirriżenja u saħansitra sfidat lil Bernard Grech u akkużatu b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Sussegwentament il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li lil Muscat Fenech Adami ttellaha quddiem il-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-partit, b’Claudette Buttigieg tappoġġja dan il-proċess fil-konfront tas-Sindku Naxxarija, waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Qalet, “Għandna bħalissa ukoll is-Sindku tan-Naxxar Ann Marie Muscat Fenech Adami għaddejja minn proċess fi ħdan il-bord ta’ dixxiplina u allura jiena nħalli lil dan il-bord jagħmel xogħlu.”
Il-kwistjoni tas-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, tmur ferm lil hinn minn vot f’bord tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar proġett.
Fil-fatt kien hemm min hu tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li poġġiet lil Bernard Grech Kap, li għorok idejh għal dak li għamel Grech ma’ Muscat Fenech Adami.
Fost dawn kien hemm Claudette Buttigieg innifisha, li tikkontesta d-distrett li jinkludi n-Naxxar.
Fil-fatt nies bħall-imsemmija kienu beżgħana li Muscat Fenech Adami setgħet tikkunsidra l-elezzjoni ġenerali u din kienet xi ħaġa li ma xtaqux peress li fl-aħħar snin is-Sindku dehret iżżid il-popolarità man-Naxxarin.