Id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li mhux veru li seħibha Karol Aquilina qal li, bir-riforma tal-inkjesti, il-Gvern irid joqtol lin-nies.
Dan meta mistoqsija minn ġurnalist ta’ ONE News waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista.
Qalet, “Jiena kont preżenti, Karol Aquilina ma qalx li hu assoċjat mal-qtil tan-nies.”
Iżda filmati mill-Parlament jisħqu kompletament bil-maqlub, bid-deputat tal-fazzjoni estremista Karol Aquilina jtenni għal darba tnejn dak li ried ifisser.
Aquilina qal, “Dan hu Gvern dittatorjali li jrid jaħtaf hu l-poter mill-organi kollha tal-istat u jżommhom f’idejh biex jagħmel li jrid hu, biex jabbuża li jrid hu, biex jisraq kemm irid hu, biex joqtol lil min irid hu”.
Intant Attard qal,“Li Karol Aquilina qal li l-Gvern irid joqtol lil xi ħadd, irid jirtiraha”, b’Aquilina qal, “Il-Gvern irid joqtol lil xi ħadd, u nerġa’ ngħidha”.
Dwar dawn l-allegazzjonijiet, dlonk ħareġ il-Partit Nazzjonalista jiddefendi dan id-diskors, b’deputati differenti tal-Oppożizzjoni jservu ta’ difiża għalih u għal dan il-kliem.
Il-Partit Laburista kien irrimarka li dan il-gideb ma jagħmel l-ebda ġieħ lil min jgħidu, minkejja kull intenzjoni biex jattakka lin-naħa tal-Gvern. Il-Partit Laburista kien anke talab lil Bernard Grech biex jikkundanna dan id-diskors, xi ħaġa li sal-lum baqgħet ma saritx.