Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li ma jiddispjaċiha xejn li marret għand il-President sabiex jitqaċċat il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Buttigieg qalet dan waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-knisja hekk kif ġiet mistoqsija dwar il-popolarità tagħha u kif din battiet ferm fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Hekk ġiet mistoqsija dwar ir-raġuni wara n-nuqqas fil-popolarità tagħha, tqajjem il-punt li hija kienet waħda mill-‘Blue Heroes’ tal-Partit Nazzjonalista u li kienet minn ta’ quddiem li marret għand il-President fil-Palazz ta’ San Anton biex tisfiduċja lil Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien.
Fil-fatt, dakinhar Claudette Buttigieg kienet dehret dieħla ma’ Chris Said San Anton għal laqgħa mal-President fejn hemmhekk proponew isem Therese Comodini Cachia biex tieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Mistoqsija jiddispjaċihiex dwar dan Claudette Buttigieg, ma qagħditx tomgħoda.
Preżentatur – “Jiġifieri jiddispjaċik li għamilt hekk, li kont involuta?”
Claudette Buttigieg – “Le.”
Preżentatur – “Ħallast il-prezz imma?”
Claudette Buttigieg – “Hekk hu.”
Preżentatur – “Jiġifieri l-prezz tal-popolarità mhux the ultimate price.”
Claudette Buttigieg – “Dak il-mument ħassejt li għamilt the right thing. Jien ma tantx nieħu deċiżjonijiet ħajti li jiddispjaċini fuqhom.”
Mistoqsija għal darb’oħra dwar dan hija kompliet issostni li ma jiddispjċihiex.
Preżentatur – “Din ma jiddispjaċikx jiġifieri?”
Claudette Buttigieg – “Le.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ikomplu jikkonfermaw il-dominanza tal-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Fazzjonajiiet li ilhom is-snin jiddominaw bi ġlied bejniethom biex jirbħu t-tmun tad-Dar Ċentrali.
Kien fis-Sajf tal-2020 li l-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil għamlet minn kollox biex jitneħħa Adrian Delia u floku jitpoġġa Bernard Grech.
Dan sabiex din l-istess fazzjoni tkompli tiżra l-poter tagħha fuq it-tmexxija tal-Partit.
Dan għadu jidher fis-seħħ sal-lum tant li fuq l-istess programm li fuqu dehret Buttigieg, Beppe Fenech Adami, meqjus wieħed mill-ewlenin tal-establishment u l-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, qabeż għal sħabu Chris Said, Mario de Marco u Carm Mifsud Bonnici biex jerġgħu jiddaħħlu fis-shadow cabinet ta’ Bernard Grech. Dan wara li anke dawn tal-aħħar esprimew l-għadab tagħhom li tħallew barra mill-istess shadow cabinet għaliex kienu fil-kabinett ta’ żmien Lawrence Gonzi.
Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat ilu tenna li din is-sitwazzjoni trid tiġi rrimedjata.
“Naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata. Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nippruvaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.”
U fil-fatt, hekk ġara, hekk kif Bernard Grech obda minn dak li qallu Beppe Fenech Adami u reġa’ daħħal lil Chris Said, Mario de Marco u Carm Mifsud Bonnici lura fix-Shadow Cabinet tiegħu.