F’Tas-Sliema, qabel Bernard Grech, tkellmet fost oħrajn Claudette Buttigieg, li bdiet issemmi l-bnadar Nazzjonalisti u li Tas-Sliema huwa parti minn distrett tal-Partit Nazzjonalista.
Buttigieg tenniet, “Folol kbar numeruzi nxejru l-bnadar tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa distrett li huwa importanti għalina. Dan huwa pilastru tal-Partit Nazzjonalista.”
Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, li qal kif il-Partit Nazzjonalista se jkun fil-Gvern.
Piccinino stqarr, “Bidlu l-affarijiet, ħa nbiddlu l-affarijiet għaliex inkunu fil-Gvern.”
Ma’ dawn qabel wasal Bernard Grech, tkellem il-kandidat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia li qal kif ħafna nies qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista.
Caruana Cilia qal, “Il-feedback pożittiv tagħkom, l-attendenza tagħkom illum, kuljum tiżdied.”
Fil-jum meta skont stħarriġ tal-Malta Today id-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa bħal dak tal-aħħar elezzjoni ġenerali, Claudette Buttigieg qabdet tgħajjat.
Buttigieg qalet, “Ftaħtuha l-gazzetta dalgħodu? Għandna ċans u mela m’għandniex.”
Imbagħad bħal Bernard Grech użat versi ta’ partit ankrat fil-passat.
Hija tenniet, “U meta tirbaħ is-sewwa, inqumu bilwieqfa u ngħidu: Ejjew Nazzjonalisti, ejjew bl-eluf minn tagħkom, ejjew għax Alla magħna, ejjew ħa nirbħu żġur. Viva l-Partit Nazzjonalista.”