Il-kandidata tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino saħqet kif l-attiviżmu tagħha fil-Partit Laburista hu mnebbaħ mill-fatt li dan jeżisti biex jgħin liż-żgħir.
Fissret kif, għalhekk, kienet, għadha u se tibqa’ attiva fil-Partit Laburista. Għax il-Partit Laburista hu għodda għall-ġid.
“Jien l-għodda li hemm min semma li jrid juża biex jagħmel ħsara lill-Partit Laburista. Jien ngħidlu li dik l -għodda nużaha biex ngħin liż-żgħir u lill-batut. Biex ngħinu lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn.”
F’diskors, wara intervent tal-Prim Ministru Robert Abela, li ddeskriva lil Abela Baldacchino bħala persuna importanti għall-Partit Laburista, il-kandidata għall-Parlament Ewropew tkellmet dwar ir-realtajiet ta’ persuni differenti.
Fosthom pazjenti li jbatu bil-Fibromyalgia u tfal li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ diżabbiltajiet moħbija. B’enfasi fuq l-aspett soċjali, Abela Baldacchino qalet li rridu niddeċiedu x’Ewropa rridu.
“X’Ewropa rridu għall-ħames snin li ġejjin. Jekk hux Ewropa li tinvesti fid-difiża, u x’inhi d-difiża, id-difiża hija l-armamenti. Jew inkella hux Ewropa li tinvesti fil-qasam soċjal. Irridux Ewropa li tinvesti fit-tfal, fiż-żgħażagħ, fil-familji tagħna. Jew irridux Ewropa li tinvesti fl-armamenti.”
Fuq kollox saħqet li rridu nagħtu risposta, lil min irid jagħżel li juża l-poter biex jagħmel ħsara lil Malta. Lil min diġà reġa’ ddikjara gwerra.
Abela Baldacchino spjegat kif meta kienet fil-Parlament Ewropew rat MEPs tal-Partit Nazzjonalista jħabbtu l-bibien fil-Parlament Ewropew jaħdmu kontra Malta.
“Waqafnilhom u nerġgħu niqfulhom. Għax jibqa’ l-Partit ta’ ‘Malta l-ewwel u qabel kollox’,” qalet Abela Baldacchino, waqt li fakkret kif l-MEPs Nazzjonalisti huma kontra Malta u mhux favur is-saltna tad-dritt, kif iħobbu jgħidu. Qalet, għax kieku jemmnu fir-rule of law kienu jitkellmu fuq ir-riformi li għamilna, waqt li enfasizzat kif dawn, fl-istess ħin li attakkaw lil Malta, kienu favur pajjiżi oħrajn b’allegazzjonijiet mill-aktar serji.
Għalhekk, saħqet Abela Baldacchino, li min jibqa’ d-dar fit-8 ta’ Ġunju li ġej ikun qed jibgħat messaġġ favur din l-ipokrezija politika.