Min-Nies għan-Nies. Dan kien il-messaġġ tal-kandidata Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino f’attività fil-bidu tal-kampanja elettorali tagħha.
F’din l-attività, bis-sehem ta’ persuni li ħadmu fil-qrib magħha matul is-snin, kien immarkat kif Abela Baldacchino hi attivista b’valuri sodi, li dejjem kienet hemm.
Dan sa minn żmien il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni u fil-mezzi tax-xandir tiegħu, għall-involviment kbir fil-kunsilli lokali u l-ħidma soċjali. F’kull każ, Abela Baldacchino qalet li dejjem kienet hemm għan-nies.
Kien għalhekk, li l-kandidata Laburista qalet kif il-kampanja tagħha se tibqa’ tkun iffokata min-nies għan-nies.
Abela Baldacchino, li hi omm ta’ tewmin, tkellmet ukoll dwar kif il-progress soċjali jrid ikun wieħed li jolqot lil kulħadd, fejn kulħadd irid ikollu l-opportunità jimxi ’l quddiem.
F’dan il-kuntest tkellmet dwar l-attiviżmu tagħha biex aktar persuni jkunu jistgħu jibnu familja f’pajjiżna u l-ħtieġa ta’ servizzi li jgħinu lil dawn il-familji. Mill-esperjenza ta’ omm, tkellmet dwar kif għandhom ikunu mgħejjuna l-familji, inkluż dawk li qed irabbu.
Hawn irreferiet għal servizzi mifruxa, li saħħaħ Gvern Laburista u li fis-snin li ġejjin għandhom jibqgħu jkunu sostnuni u mifruxa frott it-tkabbir ekonomiku.
Abela Baldacchino enfasizzat li se tibqa’ tisħaq fuq il-ġustizzja soċjali, mhux l-inqas mal-pensjonanti li gawdew minn żidiet fil-pensjonijiet, iżda wkoll proġetti li offrewlhom wens.
Abela Baldacchino għandha esperjenza politika twila u serviet anke fil-Parlament Ewropew.