Wara xhur ta’ stennija Clare Agius sa fl-aħħar waslilha l-jum li tbiddel l-istil ta’ xagħarha b’mod totali u tnaqqas ftit min-nokkli li kellha biex tgħin lill-Malta Community Chest Fund Foundation. Għalkemm din id-deċiżjoni li tbiddel xi ħaġa li tiddefinixxik mhix waħda faċli, Clare Agius f’filmat dwar din l-esperjenza, qalet li m’hemm xejn isbaħ minn meta tkun taf li b’dan il-ġest ta’ solidarjetà se tkun qed tgħin lil dawk il-persuni li jkollhom jagħmlu din il-bidla mil-lejl għan-nhar mingħajr ebda għażla.
F’filmat mill-isbaħ li jinkludi fih il-mumenti ta’ meta Clare qatgħet xagħarha, l-esperjenza ta’ mara li kellha tieħu din id-deċiżjoni mingħajr għażla u kif ukoll kummenti mingħand persuni importanti bħall-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, jixhed il-bżonn li hemm li wieħed jaqta’ xagħru għal dawk li huma fil-bżonn. Dan hekk kif ingħad li f’sentejn kien hemm bżonn ta’ 250 parrokka, għal persuni li sfortunatament tilfu xagħrhom kawża ta’ xi marda.
Clare spjegat kif hi xtaqet tkun ta’ eżempju biex tqawwi qalb dawk li jkunu għaddejjin minn din l-esperjenza, biex turihom li għalkemm taf tidher tal-biżà li taqta’ xagħrek, li tkun taf li għent lil ħaddieħor hi xi ħaġa ta’ valur kbir.
Fil-filmat, wara li qatgħet xagħarha, Clare spjegat kif hi ma kienet qalet lil ħadd b’din il-bidla, lanqas lir-raġel u lit-tifel. Dan għax xtaqet tara l-espressjoni tagħhom kif jarawha.
Meta ltaqgħet mat-tifel, Clare staqsietu jekk jafx x’għamlet ommu u hu qalilha li qatgħet xagħarha. Kien hemm li hi spjegatlu r-raġuni wara din id-deċiżjoni fejn qaltlu bħal meta hi tgħidlu biex jaqsam il-ġugarelli tiegħu ma’ tfal oħra, l-istess għamlet hi meta qatgħet xagħarha. It-tifel tagħha laqa’ din l-ispjegazzjoni b’tbissima mill-ikbar u tgħanniqa, li tixhed kemm verament wera l-appoġġ tiegħu lejn ommu.
F’kumment lejn l-aħħar tal-filmat, kienet il-President li ferrħet għal din id-deċiżjoni li ħadet Clare u qaltilha li hi kburija biha, tal-eżempju li hi qed taħgti u tal-qalb ġeneruża. Spjegat kif mhix faċli għal persuna pubblika li tagħmel bidla radikali u ħeġġet lill-pubbliku biex jagħmel l-istess.