Il-Pulizija spiss niftakru fihom meta niġu bżonn l-assistenza tagħhom. Iżda minbarra li jkunu hemm f’dawn il-mumenti, jaqdu wkoll rwol importanti: dak edukattiv.
Membri Għawdxin mill-korp tal-Pulizija organizzaw żjara edukattiva għal grupp ta’ studenti tat-tieni sena mill-Iskola Santa Tereża ta’ Kerċem.
Il-grupp ta’ studenti ntlaqa’ fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat u ngħata dawra madwar l-għassa, fejn ġew spjegati d-doveri ta’ kuljum li jagħmlu l-Pulizija.
Wara, marru l-garaxx tal-Pulizija fejn l-istudenti kienu eċċitati jaraw il-vetturi li l-Pulizija jużaw fil-ħidma tagħhom.
It-tbissima fuq fomm l-istudenti fir-ritratti li l-Korp tal-Pulizija tella’ fuq Facebook hija ndikattiva ta’ dan il-jum li żgur se jibqgħu jiftakruh, u forsi jkun hemm min saħansitra jitħajjar jingħaqad mall-Korp ‘l quddiem.
“Grazzi lill-istudenti u lill-istaff talli tawna l-opportunità nospitaw lil dawn l-istudenti u nuru x-xogħol tagħna. Nittamaw li ħadtu gost daqs kemm ħadna aħna!”
Il-Pulizija




