Iċ-ċittadini tan-naħa t’isfel ta’ Malta huma sodisfatti bil-pożizzjoni tal-Prim Ministru kontra t-tkabbir bla ħtieġa tal-Freeport. Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis qal li ma setax jonqos li r-residenti u n-negozji f’din iż-żona jilqgħu l-impenn tal-Gvern li ma jħallix żvilupp li jimpatta b’mod ħażin l-ambjent tal-madwar.
“Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tixhed il-bilanċ ġust li qed jintlaħaq taħt dan il-Gvern bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-ambjent u l-kwalita’ ta’ ħajja,” saħaq Silvio Parnis fi stqarrija. Waqt li l-Freeport tibqa industrija importanti li toffri sostenibbiltà u impjiegi għal pajjiżna, l-amministrazzjoni trid tieħu ħsieb li l-qagħda soċjali u ambjentali tkun dik li jixirqilha l-kommunita ta’ Birżebbuġa.
Parnis ingħaqad mal-pożizzjonijiet tal-Front Ħarsien ODZ u tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa f’appoġġ lejn ir-rieda tal-Gvern li l-art okkupata mill-Freeport ma tkomplix tespandi.
“In-nies ta’ Birżebbuġa u l-madwar ma jistgħux jiffaċjaw iktar inkonvenjent u għalhekk huwa pożittiv li l-Gvern ikompli jkun qrib ir-residenti, inkluż fil-kumpens ambjentali magħrufa bħala Planning Gain, filwaqt li jkompli jwettaq proġetti pożittivi bħall-football pitch u l-waterpolo pitch f’Birżebbuġa u r-riġenerazzjoni f’Marsaxlokk”, qal Silvio Parnis.
Żied jgħid li l-Gvern qed ipoġġi n-naħa t’isfel ta’ Malta fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Dan se jwassal għal ambjent iktar xieraq, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalita’, investiment u fuq kollox ġustizzja ma’ din il-parti tal-pajjiż.
F’dan il-kuntest, qal li ma jifhimx il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jrid li jikber id-daqs tal-Freeport.
Wara kampanja sħiħa li art ODZ m’għandha qatt tintmess lanqas għal skopijiet edukattivi, issa l-istess Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux problema b’estensjoni tal-Freeport fuq art ODZ. Din m’hija xejn ħlief politika ta’ inkonsistenza li l-vittmi tagħha jkunu n-nies li jiffaċjaw l-impatt negattiv jekk jitwettaq il-pjan tal- Oppożizzjoni li qed jaspira li jkun fil-Gvern.