Waqt li aġġorna l-Kamra bl-aħħar żviluppi li seħħew fil-Kunsill Ewropew li tlaqqa l-Ħadd li għadda fi Brussell, il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar li f’dawn id-diskussjonijiet, assigura li ċ-ċittadini Maltin li jgħixu r-Renju Unit ma jitilfu l-ebda drittijiet, u l-interess tagħhom ikun issalvagwardjat.
Madanakollu, reġa’ fakkar li Malta tilfet sieħeb strateġiku importanti fuq il-mejda tan-negozjati tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Muscat fakkat kif dawn in-negozjati li wasslau lill-EU27 sal-bieraħ, skattaw fl-2017 waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hekk kif Michel Barnier ġie appuntat bħala Negozjatur Ewlieni f’isem l-Unjoni Ewropea. Żied jinnota li Malta ħadmet qrib Barnier waqt il-Presidenza Maltija, u li s-serjetà li biha tmexx dan il-proċess delikat huwa wieħed ta’ min ifaħħru.
Il-Prim Ministru spjega li l-arranġament milħuq il-Ħadd fi Brussell jinkludi proviżjonijiet dwar:
- Maltin li se jkunu qed jgħixu fir-Renju Unit sal-aħħar tal-perjodu tat-tranżizzjoni, se jkollhom l-istess drittijiet li gawdew minnhom s’issa;
- Perjodu tranżitorju li jiggarantixxi li r-Renju Unit jibqa’ japplika l-liġijiet kollha tal-Unjoni mill-inqas sal-aħħar tal-2020. Dan jista’ jiġġedded b’sena jew tnejn oħra;
- Ftehim dwar il-kontribuzzjonijiet tar-Renju Unit għal dan il-perjodu u li jaċċertana li l-ebda pajjż mhu se jkun qed jagħmel tajjeb għal dan il-proċess.
Il-Kunsill Ewropew approva wkoll dikjarazzjoni politika dwar il-qafas tar-Relazzjoni Futura ta’ bejn ir-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea, li ffoka fuq relazzjonijiet kummerċjali ta’ bejn iż-żewġ partijiet, inkluż l-avjazzjoni u s-servizzi finanzjarji, kif ukoll ir-relazzjonijiet f’oqsma bħas-sigurtà u d-difiża.
Il-Prim Ministru Muscta spjega wkoll li din id-dikjarazzjoni hi waħda wiesa’ ħafna, u d-dettalji tagħhom iridu jiġu stabbiliti waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Fakkar kif il-pass li jmiss huwa li dan kollu jiġi ratifikat minn Westminster, u jkun approvat mill-Parlament Ewropew.
“Il-ftehim dwar l-arranġament li qbilna mhux sitwazzjoni ideali, anzi, hija sitwazzjoni ta’ dieqa għalina, li mar-Renju Unit dejjem sibna ħajt ta’ kenn. Minkejja li assigurajna li ċ-ċittadini Maltin ma jitilfu l-ebda drittijiet u ssalvagwardjajna l-interess tal-Maltin fir-Renju Unit, nemmen li se nitilfu sieħeb strateġiku importanti fuq il-mejda tan-negozjati tal-Unjoni”, sostna l-Prim Ministru.