Ċittadini Maltin li bħalissa jinsabu barra minn Malta qed ikunu mħeġġa biex jiġu Malta sa mhux aktar tard minn nhar il-Ħadd ili ġej, 12 ta’ April.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej appellaw liċ-ċittadini Maltin sabiex jiġu lura lejn Malta, fid-dawl tat-tixrid li dejjem jiżdied tal-Coronavirus, bil-limiti li dejjem qed jiżdiedu biex wieħed isiefer minn ajruporti barra l-pajjiż.
Ċittadini Maltin jistgħu jiġu lura permezz ta’ titjiriet minn Heathrow f’Londra jew l-ajruport ta’ Frankfurt. Dawn jistgħu jagħmlu użu minn kwalunkwe titjira kummerċjali disponibbli.
Il-Ministeru qal li d-dettalji tat-titjira flimkien ma’ kopja tal-passaport, għandhom jintbagħtu fuq sitcen.mfea@gov.mt.
B’hekk wieħed ikun jista’ jirriserva t-titjira ta’ ripatrijazzjoni tiegħu minn Heathrow f’Londra jew minn Frankfurt.
Dan japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess Malti validu ta’ residenza. Biex wieħed jirriserva titjira ta’ ripatrijazzjoni hemm bżonn ta’ kopja tal-passaport
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej qal li persuni li se jagħżlu li jibqgħu barra mill-pajjiż wara nhar il-Ħadd se jieħdu r-responsabbiltà tar-riskju fuqhom. Bil-Ministeru ma jistax jiggarantixxi r-ripatrijazzjoni wara din id-data.
Il-Gvern qal li persuni li ma jistgħux jivvjaġġaw minħabba lockdowns imposti fil-pajjiżi fejn qegħdin, għandhom jinfurmaw minnufih lill-Ministeru. Dawk li diġà huma rreġistrati mal-Ministeru qed ikunu mħeġġa wkoll jibagħtu email bl-aġġornament tas-sitwazzjoni attwali tagħhom.
Iċ-Ċentru ta’ Sitwazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej huwa disponibbli mit-tmienja ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija mit-Tnejn sal-Ħadd u jista’ jintlaħaq bit-telefon fuq 2204 2200.