Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau ħabbar li żewġ ċittadini Kanadiżi nħelsu minn ċentru ta’ detenzjoni fiċ-Ċina u ser jirritornaw id-dar lejn il-Kanada.
Michael Spavor u Michael Kovrig kienu akkużati bi spjunaġġ lura fl-2018, ftit wara li l-pulizija Kanadiża, permezz ta’ mandat Amerikan, kienet arrestat lil waħda mill-ogħla awtoritajiet fid-dinja tat-teknoloġija.
Meng Wanzhou, li tokkupa kariga għolja fil-kumpanija Huawei wkoll telqet mill-Kanada wara laħqet ftehim mal-Prosekuturi Amerikani.
Dawn l-arresti, kemm fil-Kanada kif ukoll fiċ-Ċina, qanqlu tensjoni diplomatika kbira li ilha għal dan l-aħħar snin.
Diversi kritiċi kienu akkużaw liċ-Ċina li arrestat lill-Kanadiżi biex tirritalja għall-arrest ta’ Meng Wanzhou.