Il-programm Malti ta’ ċittadinanza b’investiment reġa’ feġġ fl-ewwel post f’rapport imħejji mill-kumpanija Henley and Partners.
Din hija t-tieni sena konsekuttiva li pajjiżna ġie l-ewwel fi studju mħejji mill-kumpanija li kienet ikkummissjonata minn dan il-Gvern biex timplimenta l-programm. L-istħarriġ sar fost seba’ pajjiżi oħra li joffru programm simili.
Ir-rapport jgħid li għas-sigurtà finanzjarja, Malta hija l-ideali. Isemmi wkoll ir-reputazzjoni eċċellenti ta’ pajjiżna, il-klima ideali, ir-rata baxxa ta’ kriminalità u fuq kollox il-poplu dħuli. Jissemma wkoll id-dritt għall-ivjaġġar bla viża lejn 168 pajjiż u d-dritt ta’ rilokazzjoni lejn il-pajjiżi kollha Ewropej.
Malta kienet daħħlet kważi 120 miljun ewro is-sena li għaddiet mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. Fi Frar li għadda ntqal li Malta misetennija ddaħħal 80 miljun ieħor din is-sena taħt l-istess programm.