Wieħed mil-Libjani mixli b’ħasil ta’ flus is-Sibt filgħaxija, fl-2019 u s-sena l-oħra allegatament iddikjara madwar żewġ miljun u nofs ewro fi flus b’rabta ma’ kummerċ fuq affarijiet tal-ikel bħal ħalib u ross fost oħrajn.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, Khaled Baely, meqjus mill-Prosekuzzjoni bħala l-aktar bniedem involut fl-allegat ċirku ta’ ħasil ta’ flus ta’ madwar għoxrin miljun ewro, kien jiġbor il-flus għal Hesham Zayed.
L-informazzjoni li għaddiet għand ONE News tgħid li kien Baely, li ddikjara maż-żewġ miljun u nofs ewro fuq affarijiet bażiċi tal-ikel li kien jissemma li jintbagħtu lejn il-Libja.
Fil-Qorti s-Sibt filgħaxija ntqal li allegatament il-Libjani kienu qed jgħaddu eluf ta’ ewro mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Flimkien ma’ Zayed u Baely tressqu wkoll il-Qorti Essam Mohammed Edarnawi u Tamel Ramadan Ali Hdidan.
Dawn ilkoll ċaħdu l-akkużi u baqgħu jinżammu arrestati.
Fil-Qorti ntqal li s-sena l-oħra l-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni fuq flus li kienu qed jgħaddu mill-Ajruport.
Intqal lilha li dan kien ilu jsir sa mill-2012.
Baely waħdu ġie akużat ukoll li kien saq karozza misruqa mill-Ingilterra sa Malta.
Intant il-Pulizija kienet qalet li ġew arrestati wkoll xi Maltin b’rabta ma’ dan il-każ u nifhmu li minn dawk arrestati ma ġiex imressaq kulħadd għaliex il-Pulizija għadha mhiex f’pożizzjoni li tipprosekwixxi kontra kull persuna arrestata u għalhekk xi wħud ingħataw il-Police Bail.
Dan wara li skadew it-48 siegħa bil-liġi li wieħed jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija qabel imur fl-iżbarra fil-Qorti.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ saru b’koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet barranin fosthom tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit, tal-Italja u l-Europol.