Ċipsa jew chipsa?
Garaxx jew Garage?
Kowċ jew Coach?
Kienu dawn id-domandi li saru dalgħodu f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, fejn qed isir seminar pubbliku dwar il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
L-aħħar darba li l-akkademja tal-Malti ħarġet b’emendi dwar kliem mil-lingwa Ingliża f’ilsien pajjiżna kien 32 sena ilu.
Issa għadd ta’ professjonisti ressqu ‘l quddiem numru ta’ possibilitajiet, prinċipji u proposti ta’ kif niktbu kliem Ingliż fil-Malti.
Prinċipju ewlieni li mistenni jkun imħaddan huwa li l-kliem mill-Ingliż jidħol biss meta ma jkunx hemm kelma bil-Malti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo aċċena fuq il-bżonn li kull deċiżjoni favur il-kitba Maltija ma tkunx estrema. Tkellem dwar il-ħtieġa li pubblikaturi Maltin jibqgħu jappoġjaw il-ktieb Malti u saħaq li l-Gvern irrid jagħti iżjed appoġġ lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Fis-seminar qed isir kwestjonarju għal kull min jixtieq jikkontribwixxi u jressaq il-ħsibijiet tiegħu. Wara it-2 ta’ Lulju li ġej, mistennija toħroġ il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsill dwar kif jiġu miktuba kliem mill-Ingliż fil-Malti.