Ċipru ħabbar tisħiħ tal-inċentivi offruti lejn l-industrija tal-films permezz ta’ żieda fil-cash rebate minn 40% għal 45% fuq in-nefqa li ssir fil-pajjiż.
Din iż-żieda tpoġġi lil Ċipru fost l-aqwa pajjiżi fejn jidħlu tali inċentivi għall-films madwar l-Ewropa, flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, bħall-Belġju u l-Gżejjer Kanarji.
Fl-aħħar xhur, l-ammont ta’ produzzjonijiet f’Ċipru kompla jikber u permezz ta’ din iż-żieda fil-cash rebate, il-pajjiż mistenni jkompli jistabbilixxi ruħu u jsir aktar attraenti għall-industrija globali tal-films.
Il-programm ta’ cash rebate f’Ċipru ġie introdott mill-aġenzija governattiva nazzjonali ‘Invest Cyprus’ erba’ snin ilu, bħala inizjattiva biex il-pajjiż jattira investiment barrani fl-industrija tal-films, filwaqt li jsaħħaħ l-industrija domestika.
Il-Gvern Ċipriott enfasizza l-importanza tal-cash rebate u saħaq fuq il-benefiċċji u l-investiment li dan l-inċentiv qiegħed joħloq il-pajjiż.
Ġie rrimarkat kif, permezz ta’ studju estensiv fuq il-cash rebate, ġie nnotat li dan il-programm qed jassigura x-xogħol għal diversi professjonisti li llum huma impjegati fl-industrija tal-films.
Ta’ min jinnota wkoll li din il-bidla fl-inċentiv qegħda sseħħ fil-mument fejn ħafna pajjiżi Ewropej jikkompetu u jinċentivaw produzzjonijet globali biex jiffilmjaw f’pajjiżhom.
Is-suq Ewropew hu ddominat minn inċentivi li kważi jmissu jew saħansitra jaqbżu l-40%, bħal dawk tal-Greċja, l-Italja u anke Franza.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa l-oħra, fejn ġie żvelat studju indipendenti li sar dwar l-investimenti li din it-tip ta’ skema qed toħloq f’pajjiżna, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech sostna li hu kruċjali li Malta tibqa’ kompetittiva anke għall-ġid tal-ekonomija Maltija.
Sostna li, permezz tal-cash rebate ta’ 40%, pajjiżna qed jara ritorn pożittiv fl-ekonomija u fl-impjieg is-sena kollha għal Maltin u Għawdxin.
Intqal li għal kull ewro li qed jinvesti pajjiżna fil-cash rebate, qed nerġgħu nieħdu tliet ewro lura fl-ekonomija Maltija.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonnalista kompla juri biċ-ċar li hu kontra l-programm ta’ cash rebate li joffri pajjiżna.
Dan hekk kif ma’ gazzetta lokali, il-kelliema ta’ Bernard Grech għall-industrija tal-films, Julie Zahra attakkat dan l-inċentiv u qalet li dan hu ħela ta’ flus. Dan hekk kif ukoll sostniet li mhawnx karriera f’dan il-qasam.