F’Ċipru, il-Parlament ivvota biex ma jippubblikax l-ismijiet tal-persuni li jkunu kisbu ċittadinanza permezz ta’ programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Dan il-vot ittieħed wara li l-partit tal-ħodor ressaq proposta bil-għan li tkun ippubblikata lista sħiħa tal-ismijiet kollha ta’ dawk li kisbu ċ-ċittadinanza permezz tal-programm li f’Ċipru jismu s-CIP.
F’Ċipru, b’kuntrast kbir ma’ Malta, dan il-programm dejjem kellu l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-kamra tar-rappreżentanti. Tant li 33 membru parlamentari vvotaw flimkien kontra li jkunu ppubblikati l-ismijiet u erba’ biss ivvotaw favur li jkunu ppubblikati l-ismijiet.
Il-midja rrapportat kif id-deputati kollha tal-parlament Ċiprijott jafu li dan il-programm sewa ta’ ġid għall-politika tal-pajjiż u għalhekk jappoġġjawh.
Iktar minn hekk il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Informazzjoni f’Ċipru qal li peress li l-ismijiet ikunu diġa’ ħarġu darba li toħroġ lista bihom biss jiksrilhom id-dritt fundamentali tagħhom. Fid-dibattitu li sar fil-Parlament Ċiprijott saret referenza għal fatt li numru ta’ pajjiżi oħra għandkom skemi simili u ma jippubblikawx l-ismijiet.
F’Malta l-ismijiet ikunu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern bħal ma jkunu ppubblikati l-ismijiet kollha ta’ dawk li jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija. Fil-fatt, il-midja għamlet ukoll rapporti dwar dawk li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija wara li rat dawn il-listi.
Minkejja dan, l-oppożizzjoni nazzjonalista tgħid li l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment f’Malta hu wieħed sigriet. Meta mhux il-każ.
Fuq kollox dak Malti hu l-uniku programm ta’ ċittadinanza approvat mill-Kummissjoni Ewropea.