L-aħbar li negozjant Ċilen ta’ 50 sena, li jgħix f’San Ġiljan, baqa’ miżmum taħt arrest wara akkużi fil-Qorti Maltija li ffroda lukanda u negozjant is-somma ta’ għaxart elef ewro, ma fissritx wisq fostna. Minkejja dan, fiċ-Ċili, 12,000 kilometru ’l bogħod, spiċċat iddur u tingħata prominenza fost l-aħbarijiet prinċipali kollha.
Alberto Chang Rajii, li qal li hu “investitur irtirat”, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li ffroda lukanda u negozjant madwar €5,000 kull wieħed, waqt li kien fil-pussess ta’ kopja ta’ credit card tal-istess negozjant.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga wara li n-negozjant irċieva messaġġ fuq il-mobile phone li kien qed iħallas lukanda f’pajjiżna, li qatt ma qagħad fiha. Meta mitkellma mill-Pulizija, mil-lukanda sar magħruf li tali tranżazzjoni kienet saret mill-akkużat. Mill-investigazzjoni rriżultaw rapporti dwar tranżazzjonijiet oħra suspettużi, fosthom rapport ta’ frodi b’dannu għal-lukanda fl-2022.
Iċ-Ċilen, li jingħad li kien ħarab minn art twelidu, wieġeb fil-Qorti li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, minkejja dan ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u allura baqa’ jinżamm arrestat.
Fil-pajjiż tal-Amerika t’Isfel, b’popolazzjoni ta’ ftit inqas minn għoxrin miljun, l-aħbar fi tmiem il-ġimgħa ġiet meqjusa bħala tama ġdida biex fl-aħħar Alberto Chang Rajii jiġi deportat lejn il-pajjiż biex jiffaċċja l-ġustizzja f’każ antik li hu ferm akbar.
Il-miljunarju, li qed ikun imfittex fiċ-Ċilì b’akkużi dwar frodi permezz ta’ skema mħaddma mill-kumpanija tiegħu Grupo Arcano, kien diġà arrestat f’Malta fl-2016, iżda ngħata ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €100,000.
Wara nuqqas ta’ provi fil-konfront tiegħu dak iż-żmien, ma kinitx intlaqgħet it-talba wkoll biex jiġi estradit fl-2017. Id-deċiżjoni kienet ikkonfermata fl-istadju ta’ appell fl-2018.
Issa fiċ-Ċili, qed jistaqsu jekk l-arrest riċenti tiegħu hux se jservi biex jintbagħat lura fil-pajjiż biex wara tmin snin iwieġeb għal għemilu fi skandlu nazzjonali li jinvolvi l-miżapproprjazzjoni ta’ madwar ħamsa u tmenin miljun dollaru Amerikan bil-kumpanija tiegħu Grupo Arcano.
Dwar dan, fl-aħħar sigħat ikkummenta wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċilì, Alberto Van Klaveren.