Ħaddiema tas-salvataġġ f’Haiti għaddejjin b’operazzjonijiet biex isibu persuni li salvaw it-terremot li laqat il-pajjiż is-Sibt li għadda. Dawn qed jaffaċċjaw aktar elementi hekk if issa maltempata wkoll laqtet il-pajjiż fil-qalba tal-Karibew. Minn tal-anqas elf, erba’ mija u dsatax-il persuna tilfu ħajjithom kawża tat-terremot tas-Sibt, li kejjel is-sebgħa punt tnejn fuq l-iskala Rikter.
Ftit anqas minn sebat elef persuna qed jieħdu l-kura, iżda bosta għadhom irrapportati nieqsa. Rapporti qed jgħidu li kawża taċ-ċiklun li qed jaħkem il-pajjiż bħalissa, se jinżlu mal-ħamsa u għoxrin ċentimetru ilma tax-xita fuq l-agħar żoni milquta mit-terremot fil-Haiti.
Minħabba anke li t-toroq mhumiex siguri għall-moviment tal-persuni, l-awtoritajiet qed isibuha diffiċli jwasslu riżorsi fl-isptarijiet jew żoni fil-bżonn.