Il-Mosta Cycling Club laqa’ attendenza b’saħħita mill-klabbs taċ-ċikliżmu lokali meta reġa’ organizza t-tellieqa annwali tiegħu nhar il-Ħadd fuq il-ByPass ta’ Ħaż-Żebbuġ. Din it-tellieqa nżammet wara assenza ta’ tliet snin minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Iċ-ċiklisti kienu ħerqana biex jippruvaw xi tattiċi sabiex jieħdu l-aħjar pożizzjoni possibbli. Ir-riħ qawwi li ħakem ir-rotta filgħodu pprovda sfida ikbar.
It-tellieqa kienet mimlija tattiċi, iżda matul l-aħħar parti tal-korsa, li kien fiha 18-il dawra Etienne Cutajar ta’ Team Greens, ħa l-vantaġġ b’distakk ta’ tletin sekonda. Determinati li jiksbu riżultat tajjeb it-tim Mosti ġġieled biex inaqqas id-distakk ta’ Cutajar. It-tentattivi tagħhom kienu ta’ suċċess hekk kif Pierre Borg seta’ jattakka fl-aħħar dawra u xxekkel it-tama taċ-ċiklist veteran Etienne Bonello (Team Greens) għal rebħa. Punt ta’ sekonda biss issepara lil Borg u Bonello. Jiġġieldu għat-tielet post kienu Mark Zammit ta’ Mosta iżda dan ġie megħlub minn Antonio Guccione (D Sports Lab) b’distakk minimu.
It-tiġrija tan-Nisa, rat podju kollu mgħamul minn Team Greens b’Marie Claire Aquilina tieħu vantaġġ komdu quddiem Diana Muscat u Juleanne Vassallo. Il-Masters 40+ intrebħu minn Luis Joaquin Rojas Guzman (Team Greens) filwaqt li l-Under 23 rat lil Luke Borg (The Cyclist) iwaqqaf it-tentattivi għal rebħa fil-kategorija minn Jacob Schembri (Mosta Cycling Club). Ftit sekondi sseparaw lid-duo minn Stefan Scerri (Gozo CC) li ħa t-tielet post.
It-tellieqa laqgħet parteċipazzjoni tajba fil-kategoriji tal-Juniors. L-Under 12 (Irġiel) kien iddominat miċ-ċiklisti ta’ Shamrock Stars. Fuq quddiem kien Neil Cassar, segwit minn Kai Debono u Isaac Buttigieg. Nina Debono li tirrappreżenta wkoll lis-Shamrocks rebħet il-kategorija tan-Nisa. Ċiklist ieħor tax-Shamrock Liam Daly rebaħ il-kategorija ta’ taħt l-14-il sena, segwit miċ-ċiklisti tal-club Mosti Samwel Attard u Ethan Grech. Iċ-ċiklist ta’ taħt is-16-il sena Ryan Gatt (The Cyclist) u Roanna Farrugia (Agones SFC) rebħu l-kategoriji rispettivi tagħhom. Kristina Spiteri (Iċ-Ċiklist) rebħet il-Kategorija Junior tan-nisa. Dejjem fil-kategorija tal-bnbiet U12, Katie Vella Wood spiċċat fit-tieni post filwaqt li Nicole Vella it-tielet.
“Irridu ngħidu li konna ħerqana li nerġgħu nesperjenżaw l-atmosfera ta’ tellieqa bħal din. It-tellieqa tal-Ħadd kienet mimlija tattiċi u strateġiji. Kien inkoraġġanti li nara klabbs lokali jiġu rraprezentati bis-sħiħ,” spjega Edward Enriquez, President tal-Mosta Cycling Club “ Din is-sena hija sena speċjali għall-Club, li qed jiċċelebra s-70 anniversarju tiegħu. Bħala l-eqdem Club taċ-ċikliżmu f’Malta, il-club qed jissaħħa min sena għal sena”
Il-Club wera l-gratitudni tiegħu lil dawk kollha involuti, membri tal-Club, Coaches, parteċipanti tal-Clubs, Kunsill Lokali Żebbuġ, Transport Malta, Lesa, Pulizija ta’ Malta, Global Security Malta għall-ambulanza u ARRTS Timing.
It-trofej ġew ippreżentati lir-rebbieħa mill-President tal-Club Edward Enriquez, fil-waqt li t-trofej għaż-żgħażagħ ġew ippreżentati mis-Segretarju tal-club Kurt Muscat.