Bernard Galea ta’ The Cyclist by Agones irnexxielu fl-aħħar tiġrija jirbaħ din id-29 Edizzjoni tat-Visit Malta Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu, bis-sehem ta’ diversi ċiklisti lokali flimkien ma’ oħrajn barranin, li saret b’memorja ghal Mario Meli l-ko-fundatur tat-Tour u ex-President tal-Federazjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Huwa spiċċa rebbieħ wara li rnexxielju jispiċċa fl-ewwel post fuq iċ-ċirkwit ta’ Bypass ta’ San Pawl fuq distanza ta’ 54km f’ħin ta’ 1:46:42 biex kiseb ħin totali ta’ 4:27:14. Galea kien spiċċa t-tielet fit-Time Trail f’ħin ta’ 21:40 u t-tieni fir-Road Race ta’ San Martin f’ħin ta’ 2:18:52. Fit-tieni post tal-klassifika finali spiċċa Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta f’ħin totali ta’ 4:27:25. Buttigieg kien spiċċa t-tieni fit-Time Trail, it-tielet f’San Martin u fir-4 post fl-aħħar stadju. Fit-tielet post tal-klassifika finali spiċċa Nathan Ernesto Pertica ta’ Team Eurobike f’ħin totali ta’ 4:28:34. Fil-klassifika finali tal-Maltin spiċċa rebbieħ Bernard Galea ta’ The Cyclist by Agones. Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta spiċċa t-tieni u Jacob Schembri ta’ Bike It Up Racing spiċċa t-tielet.
Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet minn Gemma Mitchell ta’ FTP Racing meta fil-Bypass ta’ San Pawl spiċċat il-45km fl-ewwel pożizjoni f’ħin ta’ 1:45:20. Mitchell spiċċat b’ħin totali ta’ 4:12:29. Wara li kienet ikklassifikat it-tielet fit-Time Trial, hija rebħet iż-żewġ tiġrijiet l-oħra. Fit-tieni post tal-klassifika finali spiċċat Deborah Schembri ta’ Gozo CC f’ħin totali ta’ 4:13:16. Schembri kienet rebħet it-Time Trial u mbagħad spiċċat fit-tielet pożizjoni fiż-żewġ tiġrijiet l-oħra. Diana Muscat tat-Team Greens spiċċat it-tielet fil-klassifika finali f’ħin totali ta’ 4:13:34. Muscat kienet spiċċat ir-raba’fit-Time Trial u darbtejn it-tieni fiż-żewġ tiġrijiet l-oħra. Fil-klassifika finali tal-Maltin spiċċat rebbieħa Deborah Schembri ta’ Gozo CC, segwita minn Diana Muscat u Michelle Vella Wood, it-tnejn tat-Team Greens.
Fil-kategorija tal-Masters, Derek Barbara ta’ Ġibilta spiċċa rebbieħ f’ħin totali ta’ 3:47:42. Huwa kien rebaħ it-Time Trial u mbagħad spiċċa t-tielet f’San Martin u l-ħdax fl-aħħar stadju. Fit-tieni post tal-klassifika finali spiċċa l-Kolumbjan Joaquin Rojas tat-Team Greens f’ħin totali ta’ 3:48:32. Rojas kien spiċċa t-tieni fit-Time Trial u fir-raba’ post fiż-żewġ tiġrijiet l-oħra. Antoine Sultana tat-Team Greens spiċċa t-tielet fil-klassifika finali f’ħin totali ta’ 3:49:02. Sultana kien spiċċa r-4 fit-Time Trial u l-5 u s-7 fiż-żewġ tiġrijiet l-oħra. Fil-klassifika finali tal-Matin spiċċa rebbieħ Antoine Sultana tat-Team Greens, segwit minn Mark Zammit ta’ Mosta CC u David Cushing ta’ Bike It Up Racing.
Fi tmiem dan l-aħħar tappa saru diversi premjazzjonijiet minn Censu Galea, Sindku ta’ San Pawl il-Bahar u mill-uffiċċjali għolja tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit u Daniel Borg Olivier, President u Teżorier rispettivament, kif ukoll ufficcjali ohra Charles Sammut u Edward Enriquez. Il-Merit Award tat-Tour ingħatat lil Grupp kbir ta’ Volontiera li assistew fl-organizzazjoni ta’ dan it-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu.
Dan it-Tour sar taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ Visit Malta, Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti. Il-Kumitat Organizzattiv tat-Tour jixtieq jesprimi l-gratitudni tiegħu lil Visit Malta, SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti, Transport Malta, Kunsilli Lokali rispettivi tas-Siggiewi, San Pawl il-Baħar u Mġarr, Malta, BBB ID Match, Greens Supermarket, Cycling World, A Rentals Malta (Bikes), kif ukoll ARRTS Timing System u l-Palazzin Hotel u lill-klubbs parteċipanti kollha għall-appoġġ tagħhom.