Aidan Buttigieg tal-klabb Għawdxi D Sports Lab u Marie Claire Aquilina tat-Team Greens huma c-champions Nazzjonali tat-Time Trial għal din is-sena 2024 organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Għal Aidan Buttigieg dan kien it-tieni titlu fil-karriera tiegħu fejn iddefendi b’suċċess ir-rebħ ta’ dan il-Kampjonat tat-Time Trial. Filfatt din is-sena huwa spiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-Kategorija Elite meta kiseb il-massimu ta’ 600 punt bi tliet rebħiet. Fit-tieni post ikklassifika b’total ta’ 525 punt John Camilleri ta’ B’Kara St Joseph SC, segwit fit-tielet pożizjoni minn Clive Bugeja ta’ Mosta CC bi 415 punt.
Minn naħa tagħha, Marie Claire Aquilina tat-Team Greens rebħet dan it-titlu tan-Nisa għas-seba’ darba fil-karriera tagħha meta kisbet total massimu ta’ 600 punt. Warajha spiċċaw rispettivament sħabha tat-Team Greens, Michelle Vella Wood (505 punt) u Fiona Diana Muscat (470 punt).
Jacob Schembri ta’ Mosta CC spiċċa champion Nazzjonali tal-kategorija ta’ taħt it-23 sena meta spiċċa l-ewwel fil-klassika b’575 punt. Fit-tieni post spiċċa b’550 punt Luke Borg ta’ The Cyclist-Agones, filwaqt li Clyve Chetcuti ta’ Mosta CC spiċċa t-tielet b’total ta’ 465 punt.
Mark Zammit ta’ Mosta CC spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 40+, b’massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċaw David Cushing ta’ B’Kara St Joseph (350 punt) u James Mifsud tat-Team Greens (330 punt). Stephen Grima ta’ D Sports Lab spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 50+ b’400 punt, segwit minn Joseph Caruana tat-Team Greens (350 punt) u Kevin Muscat ta’ Mosta CC (200 punt).
Matthew Galea (Gozo CC) spiċċa bħala champion Nazzjonali tal-Juniors b’total ta’ 400 punt segwit minn Kai Azzopardi ta’ The Cyclist-Agones (200 punt). Ryan Gatt ta’ The Cyclist-Agones spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt is-16 il-sena b’total massimu ta’ 600 punt.
Liam Daly tal-klubb Għawdxi ta’ Shamrock Stars SC spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt l-14 il-sena b’total massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċaw sħabu tal-istess klubb, Jake Refalo (525 punt) u Neil Cassar (465 punt). Nina Debono ta’ Shamrock Stars SC rebħet l-istess kategorija dik riservata għat-Tfajliet b’massimu ta’ 600 punt. Warajha spiċċat Katie Vella Wood tat-Team Greens b’525 punt.
Ethan Cumbo ta’ Mosta CC spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt it-12 il-sena b’total massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċa sieħbu Zachary Vella (485 punt) u Zek Debono ta’ Shamrock Stars SC (445 punt). Amy St John ta’ Mosta CC rebħet l-istess kategorija dik riservata għal Bniet b’total ta’ 575 punt. Warajha spiċċat u b’550 punt, Ria Debono ta’ Shamrock Stars SC.
Fi tmiem dawn it-tiġrijiet tal-Kampjonat tagħha, l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu trid turi l-apprezzament tagħha għaċ-ċiklisti u l-uffiċċjali tal-klabbs kollha għas-sehem tagħhom, kif ukoll għal ARRTS Timing System għax-xogħol kbir tagħhom. Grazzi wkoll tmur għas-servizzi rispettivi tal-Kunsilli Lokali, Trasport Malta, il-Puliżija, il-LESA u l-Emergency First Response, kif ukoll lil xi voluntiera, timekeepers u marshalls.