Disa’ ċiklisti żgħażagħ immexxija minn Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, għadhom kif irritornaw lura Malta wara li ħadu sehem f’kamp ta’ taħriġ intensiv fi Fiuggi u rħula oħra fil-viċinanza fil-provinċja ta’ Frosinone, f’Lazio, l-Italja.
Dan kien parti mill-proġett il-ġdid tal-istess Federazzjoni flimkien ma’ Valerio Agnoli, ċiklista professjonali Taljan tal-ProTeam Bahrain-Merida. Il-programm ta’ taħriġ tfassal mill-kowċ professjonali Taljan Pierluigi Terrinoni, li huwa wkoll il-kowċ tal-istess Valerio Agnoli. Madankollu l-istess Agnoli ħa sehem f’kull taħriġ li għamlu ċ-ċiklisti Maltin. F’xi ġranet ħa ħsieb imexxi t-taħriġ Etienne Bonello, direttur tekniku tal-Federazzjoni Maltija. Iċ-ċiklisti Maltin ġabu lura magħhom ġranet ta’ ħidma u esperjenza utli, b’uħud minnhom iħallu mpressjoni ferm pożittiva.
Qabel ma bdew it-taħriġ tagħhom, iċ-ċiklisti kollha qagħdu għal testijiet bijomekkaniċi li saru għand Velo System Bike Fitting Centre ta’ Fondi u li tmexxew minn Paolo Conte. L-iżghar ħames ċiklisti ta’ taħt is-16 il-sena ħadu sehem ukoll f’tiġrija provinċjali f’Ferentino.
Matul din il-mawra ta’ ħmistax il-ġurnata, l-grupp kollu żar il-Belt Eterna ta’ Ruma fejn kienu assistiti minn Maria Giovanna Giorgilli u Veronica Terrinoni. Il-grupp kellu wkoll sezzjoni ta’ għawm fil-pixxina olimpika fiċ-Centru Sportiv Capo i Prati. Fl-aħħar lejla li għamlu fi Fiuggi, il-grupp attenda għaċ-ċena uffiċjali fl-Ambasciatori Place Hotel & Spa Fiuggi fejn Joe Bajada ppreżenta flokkijiet tat-tim Nazzjonali iffirmati mill-kontinġent kollu lil Valerio Agnoli u Pierluigi Terrinoni bħala apprezzament tal-istedina u l-ħidma kollaborattiva tagħhom.
It-taħriġ ta’ dawn iċ-ċiklisti żgħażagħ mistenni li jitkompla f’Malta taħt id-direzzjoni ta’ Etienne Bonello u fuq struzzjonijiet ta’ Pierluigi Terrinoni. Ma’ dan il-grupp mistennija li jiżdiedu xi ċiklisti oħra iżgħar biex b’hekk ikun hemm indikazzjoni tal-grupp li mistenni li jerġa jitla Fiuggi fis-sajf li ġej.