Numru ta’ ċiklisti membri tal-Gozo Cycling Club kellhom żjara ta’ korteżija mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li ferħitilhom għas-suċċessi li kellhom matul dan l-istaġun meta spiċċaw champions nazzjonali fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
Il-Ministru Caruana qalet li bil-parteċipazzjoni tagħhom fuq livelli nazzjonali u internazzjonali, dawn iż-żgħażagħ qed ikomplu jgħollu isem Għawdex u qed jagħmlu isem għalihom ukoll. Il-Ministru appellat biex aktar tfal u żgħażagħ jipprattikaw xi dixxiplina sportiva fejn illum il-ġurnata l-għażla hi waħda vasta u bogħod minn dixxiplini sportivi tradizzjonali.
Il-Ministru Caruana kkonkludiet li l-Gvern dejjem kellu għal qalbu l-qasam sportiv u dan hu evidenti bin-numru ta’ proġetti relatati mal-isports li qed jiġu implimentati.
Iċ-ċiklisti li pparteċipaw u ħarġu rebbieħa huma Brandon Sultana li spiċċa champion ta’ Malta tal-kategorija ġdida ta’ taħt it-23 sena fid-dixxiplina tat-time trial b’total ta’ 550 punt minn massimu ta’ 600. Apparti dan, Brandon Sultana minn din is-sena jinsab fil-grupp tat-tim nazzjonali Malti tal-kbar. Joseph Mifsud min-naħa tiegħu spiċċa ċ-champion nazzjonali tar-road race tal-istess kategorija b’total ta’ 515 punt. Darren Sultana min-naħa l-oħra spiċċa champion tar-road race ta’ taħt is-16-il sena b’total ta’ 575 punt. Kull kampjonat kien jikkonsisti fi tliet tiġrijiet f’dati differenti.
Ma’ dawn it-tliet champions nazzjonali kien preżenti wkoll it-tfajjel ta’ 10 snin, Jacob Zerafa li għadu kif ħa sehem fil-kompetizzjoni Alpe Adria tal-BMX li saret f’Muhlen, l-Awstrija, fejn spiċċa fis-sitt post minn fost 21 parteċipant.
Jakkumpanjaw lil dawn iċ-ċiklisti kien hemm Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u Adrian Farrugia, President tal-Gozo Cycling Club.