Ċiklist Taljan ta’ 33 sena sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku ma’ trakk f’Triq Tal-Balal, San Ġwann. L-inċident seħħ illum filgħodu, għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart (10:45hrs), meta l-Pulizija rċeviet sejħa ta’ emerġenza għall-assistenza.
Malli waslu fuq il-post, l-uffiċjali tal-Pulizija sabu li l-inċident involva rota mmexxija miċ-Ċiklist Taljan u trakk DAF, li kien qed jiġi misjuq minn raġel ta’ 32 sena residenti l-Mosta.
It-tim mediku pprovda l-ewwel għajnuna fuq il-post u ċ-ċiklist ittieħed b’urġenza fl-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Hemmhekk, ġie eżaminat mill-istaff mediku u ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin biex jiġu determinati ċ-ċirkostanzi eżatti ta’ kif seħħ l-inċident.