Silvan Farrugia, ċiklist ta’ 41 sena li sofra minn ġrieħi serji f’inċident tat-traffiku fl-2015, ingħata kumpens ta’ €306,226 f’sentenza meqjusa bħala rari li ttripplikat l-ammont.
L-inċident seħħ ħames snin ilu meta l-vittma kien qed isuq ir-rota f’Ħal Far, direzzjoni lejn Birżebbuġa, u ntlaqat minn vettura bil-konsegwenza li spiċċa tar minn fuq ir-rota.
Wara l-inċident, Farrugia kien fil-periklu li jitlef ħajtu, u sofra minn diżabilitajiet serji u permanenti.
Il-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, sabet lix-xufier tal-karozza responsabbli mill-inċident u mmultatu aktar minn tliet u disgħin elf ewro, imma Farrugia appella.
F’eventwalità li rari tiġri, l-appell intlaqa’ u l-ammont ta’ danni favur Farrugia ġie ttripplikat, għaliex ingħad li l-kumpens oriġinali kien baxx wisq meta wieħed iqis is-severità tal-feriti u l-impatt li ħallew fil-ħajja tal-missier ta’ żewġt itfal.
Il-Qorti nnotat ukoll l-uġigħ tal-vittma, l-interventi kirurġiċi li għadda minnhom u l-effett devastanti li l-aċċident ħalla f’kull aspett tal-ħajja tiegħu.
Għal Farrugia dehru l-avukati Simon Cachia u Paul Cachia.