Ilbieraħ filgħaxija l-Pulizija mid-distrett tal-Qawra ġiet mgħarrfa mill-awtoritajiet tal-Isptar li kien hemm persuna mweġġgħa fiż-żona magħrufa bħala tal-Qammieħ, l-Għadira, il-Mellieħa.
Meta l-Pulizija tad-Distrett marru mmedjatament fuq il-post fejn sabu raġel Ingliż ta’ 45 sena mal-art. Minn investigazzjonijiet prelimimari deher li r-raġel aktarx kien waqa’ minn għoli ta’ madwar sular waqt li kien qed isuq rota.
Fuq il-post issejjħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’natura gravi. Fuq il-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lit-tim mediku sabiex il-vittma seta’ jitella` minn fejn kien.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra għadhom għaddejjin.