Is-sena l-oħra, iċ-ċiklist u filantropu Hilary Galea-Lauri, li għandu 51 sena, ġabar aktar minn €14,000 għall-Inspire għax hu jemmen li l-ħajja tirriġenera ruħha billi wieħed jagħti lura parti minn dak li jirċievi.
F’Awwissu tas-sena l-oħra, Hilary saq ir-rota tiegħu għal 12-il ġurnata, u kopra distanza ta’ 1,600 kilometru. Din id-distanza hija t-tul kollu trasversali tar-Renju Unit bejn żewġ estremitajiet, mil-Lbiċ sal-Grigal.
Il-fondi ntużaw bħala appoġġ għal programmi u servizzi ta’ diżabilità għal tfal, adulti u l-familji tagħhom. L-Inspire tgħin lil aktar minn 1,000 persuna b’diżabilità, inkluż Down’s syndrome u l-awtiżmu. Hija toffri s-servizzi tagħha jew mingħajr ħlas jew b’rata tassew sussidjata.
Is-sena d-dieħla, Hilary li huwa partner mal-kumpanija KPMG, qed jippjana rikba epika mal-kosta tal-Punent tal-Istati Uniti mill-Kanada sal-Fruntiera tal-Messiku. Dan il-vjaġġ ser jibda minn Seattle u b’medja ta’ madwar 100 kilometru kuljum, Hilary ser jivjaġġa t-tul tal-Istati Uniti (aktar minn 2,500 kilometru) f’erbgħa ġimgħat tul uħud mill-isbaħ kosti fid-dinja, sal-bajjiet kollha palm tul il-fruntiera tal-Messiku.
Għal darb’oħra, Hilary ser jiġbor fondi għall-Inspire. Biex jipprepara għal dan il-vjaġġ, nhar is-Sibt 13 ta’ Awwissu, Hilary ser jaqsam it-tul ta’ Wales f’ġurnata waħda fuq ir-rota tiegħu. Fuq medda ta’ 300 kilometru, il-vjaġġ ser jinkludi għoljiet impressjonanti. Iċ-ċiklist se isuq minn Caernarfon għal Chepstow, u jgħaddi minn Llanberis u Gospel Pass. Din ir-rikba mhix l-eħfef waħda fuq il-kalendarju tiegħu, iżda hija parti mit-tħejjija ta’ Hilary għall-isfida tiegħu fuq ir-rota fl-2017 tul l-Istati Uniti biex jgħin lill-Fondazzjoni Inspire.
Bi tħejjija ukoll għall-isfida fl-Istati Uniti s-sena d-dieħla, aktar tard f’Settembru Hilary se juża l-leave annwali tiegħu biex isuq ir-rota t-tul kollu tal-Italja sa Malta, fejn din id-darba ser ikopri mhux anqas minn 1,500 kilometru f’disat’ijiem.
“Huwa bis-saħħa ta’ nies bħal Hilary, li jużaw il-passjoni personali tagħhom biex jgħinu kawża tajba, li organizzazzjonijiet bħall-Inspire jistgħu jkomplu jaħdmu u jikbru” qal Antonello Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Inspire.