Fuq fb tiegħi tkellimt fuq il-liġijiet dwar l-abort, u għedt li huwa l-Parlament Malti biss li jista’ jibdel il-liġijiet bħal dawn. U naturalment li l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ma għandha x’taqsam xejn ma’ tibdil bħal dan.
Weġibni wieħed Joseph Ghigo u għamel paragrafu sħiħ li jekk ikun hemm aktar siġġijiet għas-soċjalisti, jitla’ Frans Timmermans li jrid jagħmel l-abort bħala dritt tal-mara. Dan kien qed jidwi dak li qal Adrian Delia, u jitqanżħu ħalli jġibu lil min jemmnu. Storja antika din! Meta l-Partit Nazzjonalista jkun qed jegħreq ifittex il-salvawomo tal-biża’ msejsa fuq ir-reliġjon.
Jaf illi f’pajjiżna ma hawnx maġġoranza li trid tibdil fil-liġi tal-abort, u allura jipprova jkanta fuq il-valuri.
Imma hawn għandna l-qerq. Naraw kif jitla’ l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Ħarġu sitta, skond il-gruppi li hemm. Soċjalisti, Partit Popolari (li saru jistħu li jgħidulhom demokristjani) Liberali, u tista’ tkompli. Issa ssir l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Umbagħad wara jagħżlu lill-President il-ġdid flok Junker. Taħsbu li jagħżluh il-membri tal-Parlament li jitilgħu nhar is-Sibt li ġej? It-tweġiba hija “Le! “
Mela skond it-Trattat tal-Unjoni, huwa l-Kunsill li jagħżel il-kandidat. Il-kunsill huwa magħmul mill-Prim Ministri jew Presidenti. Dawn jaraw il-bilanċ li jkun hemm fil-Parlament Ewropew, u jagħżlu wieħed mill-kandidati. Ħafna drabi jirranġaw bejniethom biex ikun hemm ftit tibdil skond il-pajjiżi u l-partiti, halli mhux kollox imur naħa waħda. Wara li l-Kunsill jagħżel il-kandidat, il-Kunsill tal-Prim Ministru jibgħat l-isem quddiem il-Parlament li jkollu dritt biss jirriġettah. Imma ma jkollux dritt jagħti isem ieħor minflok dak suġġerit mill-Kunsill.
Fix-xenarju bħal dan ikun hemm ħafna trattativi wara l-kwinti, u jispiċċaw li s-soċjalisti u l-popolari jiftehmu bejniethom. Hekk jistgħu jassikuraw maġġoranza.
Jien inbassar li bħala partit soċjalista demokratiku aħna biss nibqgħu b’saħħitna, għax l-oħrajn marru għal daharhom Sa ċertu punt anke l-popolari, u kibru dawk li huma tal-lemin estrem. U għalhekk aktar ikun hemm bżonn li bħal ma ġara fil-Ġermanja, il-popolari u s-soċjalisti jiftehmu bejniethom. Biżżejjed wieħed jara x’ġara mid-demokratiċi fl-Italja u mis-soċjalisti fi Franza.
Mela f’dan ix-xenarju, min jivvota soċjalista u min jivvota popolari hemm l-akbar ċans li jiftehmu fi Brussels bejniethom , u jagħżlu huma, u bl-istess mod jgħadduh mill-Parlament.
L-argument ta’ Adrian Delia jiġi ċikku briku. U trid tifhmu li l-Parlament Ewropew m’għandu l-ebda saħħa li jressaq liġi.
Fejn hu Simon Busuttil ħalli lil Adrian jghidu li qed jgħid iċ-ċuċati ?