Attività organizzata mil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għall-pubbliku inġenerali fi Triq il-Kbira San Ġużepp nhar il-Ħadd li ġej, bejn id-9.00 a.m. u t-3.00 p.m., se tara l-lokalità tmur lura fiż-żmien għal meta kienet tgħaddi l-ferrovija mill-post, b’għadd ta’ logħob u tradizzjonijiet Maltin.
“Ċiki Ċiki Ċu” hi frażi li ġejja mill-kanzunetta popolari tal-grupp Ħamruniż The Greenfields, kanzunetta mill-aktar tradizzjonali, dwar il-ħoss tal-ferrovija.
Għal dan il-għan, din it-triq prinċipali se tingħalaq biex toffri divertiment għall-familja kolla, fejn, fost l-oħrajn, se jsiru fashion show, wirja tal-klieb, fiera tradizzjonali, logħob u kompetizzjonijiet tad-darts u t-table tennis, qari tal-istejjer, open day fil-każini, kunċert fil-Kappella ta’ Porto Salvo, kant, żfin, ikel Malti u divertiment kontinwu.
Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ukoll ħaseb biex ikun hemm parkeġġ bla ħlas fl-Iskola Marija Reġina Kulleġġ San Ġorġ Preca fi Triq Schembri.